“Minkejja l-istress jagħmlu x-xogħol bi tbissima fuq wiċċhom” – Prof. Gauci

Miguela Xuereb

Read in English.

Minkejja l-istress u l-biża’ li ġġib sitwazzjoni tat-tip, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika qalet li l-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa tarahom imorru għax-xogħol bi tbissima fuq wiċċhom.

Prof. Charmaine Gauci qalet dan waqt intervista waqt il-Breakfast Show fuq l-istazzjon tar-radju 103. Hi u tiġi intervistata minn Jesmond Saliba, Prof. Gauci qalet li l-isbaħ ħaġa mis-sitwazzjoni kollha li ġab miegħu l-coronavirus hija li tara t-timijiet jingħaqdu flimkien. Spjegat li fejn qabel bħal qisu kulħadd kellu l-parti tiegħu fuq xiex jiffoka u jaħdem, dwar suġġetti varji, illum kollha ngħaqdu. Spjegat li d-diversi persuni li qed jgħinu f’dan iż-żmien, xorta tara tbissima fuq wiċċhom, minkejja li jkunu għajjenin.

Sostniet li din hija karatteristika sabiħa li għandu l-poplu Malti, li dejjem iqum biex jgħin meta jkun hawn sitwazzjoni tat-tip. Spjegat li l-familji ta’ dawn il-persuni fil-qasam tas-saħħa kellhom jifhmu li ma jistgħux ikunu d-dar magħhom kif kienu jkunu qabel. Kellhom jaddattaw għal stil ta’ ħajja differenti.

Mistqosija dwar ix-xogħol li hemm għaddej bħalissa, spjegat li hemm timijiet għaddejjin b’ħidma ta’ 24 siegħa kuljum. Spjegat li l-ħidma mhux biss qed issir mill-ħaddiema tas-saħħa pubblika iżda minn diversi entitajiet oħrajn bħal dawk tal-kura primarja fl-Isptar Mater Dei, l-entitajiet tar-rijabilitazzjoni, sptarijiet privati, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u numru ta’ voluntiera. Spjegat li hemm diversi persuni li kienu irtirati li ġew lura u qed jagħmlu xogħol biex itaffu l-piż fuq ir-riżorsi tas-saħħa. Qalet li ovvjament xogħol li ma jipperikolahomx.

“Numri żgħar ma jfissirx li s-sitwazzjoni m’għadhiex preżenti”

Imbilli n-numri kurrenti jidhru li huma żgħar, ma jfissirx li ż-żmien tal-firxa f’Malta għadda. Prof. Gauci qalet li l-għan tal-awtoritajiet tas-saħħa huwa li kemm jista’ jkun il-każi fil-komunità jinżammu kemm jista’ jkun baxxi.

Appellat biex jekk wieħed m’għandux bżonn assolut li joħroġ mid-dar mela jibqa’ d-dar. Spjegat li bħalissa hawn diversi supermarkets u anke groceries żgħar fil-komunitajiet li qed joffru deliveries. Spjegat li dan ifisser li l-pubbliku aktar u aktar għandi ċ-ċans li ma joħroġx. Appellat biex meta wieħed tasallu x-xirja, jimsaħ l-oġġetti li jixtri bl-ilma u s-sapun u jekk ikollu kaxxi li ġew minn barra jarmihom mill-ewwel.