Minkejja l-faqar fil-Madagascar il-poplu jistenna l-Papa bil-ħerqa

Father Pedro Opeka jidher ma’ xi tfal jiċċelebra l-25 anniversarju ta’ Akamosoa, fil-Madagascar. (Credit: Courtesy of Akamasoa.)

Nhar il-Ġimgħa, il-Kap tal-Knisja Kattolika jasal fil-Madagascar, gżira nazzjon ‘l hinn mill-Lvant tal-Afrika.  Din hi r-raba l-akbar gżira fid-dinja u għandha ħafna fawna u flora, kultant unika u speċi li ma jinstabu f’ebda parti oħra tad-dinja.

Il-pajjiż, skont in-Nazzjonijiet Uniti hu fost l-aktar pajjiżi sotto-żviluppati.

F’dan il-pajjiż l-Papa jistennija jiltaqa’ ma’ Fr. Pedro Opeka, Arġentin bħalu li ilu missjunarju fil-Madagascat għal dawn l-aħħar 50 sena. Dan il-patri li spiss jirreferu għalih bħala ‘il-Bennej tal-Papa’ jew l-‘Appostlu taż-Żibel’ irċieva diversi unuri mingħand Papiet.

Preparamenti għaż-żjara

F’intervista lill-aġenzija CRUX, Patri Opeka qal li madwar 30,000 persuna li jgħixu f’Akamasoa qed ilestu għaż-żjara ta’ Papa Franġisku bit-talb u qed jipprepaw ukoll innu bl-Ispanjol biex ikantawh it-tfal waqt din iż-żjara.

“Meta n-nies ta’ Akamasoa saru jafu biż-żjara tal-Papa, splodew f’għajjat ta’ ferħ. Il-poplu tagħna jirrealizza li hi grazzja speċjali li nilqgħu l-Papa f’dan il-post, fejn fi żminijiet oħra kien hawn tant vjolenza, faqar, tbatija u mwiet ta’ nies innoċenti”, qal il-Ġiżwita.

“Din iż-żjara se tkun raġġ dawl qawwi għall-poplu tagħna li kuljum irid jissielet u jaħdem biex jipprepara futur aħjar għal uliedu”.

Il-missjunarju jemmen li ż-żjara tal-Papa se tfakkar lin-nies li hu jservi fil-fatt li huma parti mill-familja umana universali li huma ‘maħbuba mill-Knisja’ minkejja li huma foqra u għal ħafna żmien kienu minsija minn ħafna.

Il-Papa Franġisku se jkun f’Akamasoa, nhar il-Ħadd 8 ta’ Settembru wara li jiċċelebra  Quddiesa f’Soamandrakizay.

Mistoqsi dwar x’parir jagħti lill-Papa, il-missjunarju wieġeb li l-Papa jaf x’għandu jgħid għax ħadem għal żmien twi fis-slums ta’ Buenos Aires, meta kien għadu l-Kardinal Jorge Mario Bergoglio.

Fidi f’Alla li jħobb

“Jien ċert li lill-foqra tagħna, Papa Franġisku jgħidilhom biex ikollhom fidi f’Alla li jħobb, biex jittamaw u jħobbu ‘l uliedhom u biex ikomplu l-ġlieda tagħhom. Probabbilment jgħid lil dawk li huma fil-Gvern biex ikunu onesti, sensibbi u jgħinu aħjar liċ-ċittadini minsija u esklużi li qed jgħixu f’faqar estrem”, qal Patri Opeka.

Ir-rappreżentant fil-Madagascar tal-aġenzija tal-Isqfijiet Amerikani għall-għajnuna barra l-pajjiż qal lill-CRUX li fis-sitt snin li ilu fil-pajjiż ra l-affarijiet sejrin lura l-aktar fejn tidħol il-qirda tal-foresti.

“Meta jkollok kriżi politika u ekonomika, il-poplu jfittex kif se jibqa’ jgħix u ħafna drabi ifittex il-foresti. Bil-politika agrikola li qed imexxi l-Gvern, il-ħamrija qed titlef mill-kwalità tagħha u wara ftit snin u n-nies tibda tneħħi s-siġar biex tiżra’ l-prodotti. Aħna qed ngħinu lin-nies biex jerġgħu jtejjbu l-kwalità tal-ħamrija biex ma jinqerdux aktar foresti”. Il-poplu tal-Madagascar hu eċitat ħafna li se jżuru mexxej dinji bħalma hu Papa Franġisku.