“Minkejja d-differenzi nkunu nistgħu naħdmu sabiex negħlbu d-diskriminazzjoni” – membru taż-ŻAK

Iż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK) kellhom esperjenza liema bħalha fil-Finlandja, fejn qalu li minkejja d-differenzi li ltaqgħu magħhom, tgħallmu jaħdmu aħjar biex jegħilbu d-diskriminazzjoni.
Il-grupp għamel din l-esperjenza waqt il-Ġimgħa l-Kbira biex l-Għid Imqaddes ikun wieħed ta deċizjonijiet konkreti fuq kif l-għaqda f’Malta tista tkun iktar inklussiva u tħaddan iktar il-valuri soċjali u Kristjani.
Temi bħal l-ugwaljanza, id-diskriminazjoni, ir-razzizmu ġew diskussi iżda l-aktar li ġie studjat hu kif dawn il-valuri wieħed m’għandux biss isegwihom għax isegwu d-drittijiet fudamentali tal-bniedem, iżda għandu jieħu azzjonijiet żgħar bħall-Insara biex b’hekk jegħleb id-diskriminazzjoni.
Iona Gravina, waħda mill-parteċipanti, tkellmet dwar l-esperjenza taħha waqt dan il-kors ġewwa l-Finlandja.
Qalet li telgħu għal din l-attività sitt mexxejja taż-ŻAK. Żiedet tgħid li dan il-vjaġġ kien tassew “vjaġġ qasir fejn tgħallimt bosta affarijiet”.
It-tema prinċipali ta’ attivitajiet sew għall-gost kif ukoll għal riflessjoni, kienet; il-gruppi minuri li nsibu fis-soċjetà u kif dawn jistgħu jkollhom atteġjament iktar inklussiv mhux biss fis-soċjetà u iżda wkoll fil-ħajja tal-fidi.
Iona ċerta li wieħed għandu jghix l-inklussività kuljum b’mod prattiku speċjalment ma’ membri tal-istess ŻAK.
“Minkejja d-differenzi nkunu nistgħu naħdmu sabiex negħilbu d-diskriminazzjoni”, irrimarkat, u semmiet ukoll kif esperjenza bħal din qatt m’għandha għan wieħed u filfatt servietha bħala possibiltà biex tara post ġdid u tifhem kulturi differenti.