M’iniex sodisfatt bil-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali – Abela

PL

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li mhuwiex sodisfatt bil-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar it-trasferiment tal-tliet sptarijiet lill-kumpanija Vitals Global Healthcare.

F’kummenti mal-ġurnalisti dwar ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) Abela qal li l-Awditur Ġenerali saħaq li minkejja li talab għal xi dokumenti ma ngħatax aċċess għalihom. Abela qal li jekk dawn id-dokumenti huwa disponibbli se jgħaddihom lill-Awditur Ġenerali.

Skont Abela l-Gvern dejjem ikkoopera mal-awtoritajiet u li għandu fiduċja sħiħa fl-Awditur Ġenerali. Saħaq li r-rapport tal-NAO juri li l-istituzzjonijiet f’Malta qed jaħdmu. Qal li mhuwiex sodisfatt b’ċertu rimarki u konklużjonijiet li saru fir-rapport.

Dwar l-eks Ministru Konrad Mizzi Abela qal li dan qatt ma kien parti mill-Kabinett tiegħu u li issa lanqas għadu parti mill-grupp parlamentari tal-Partit Laburista. Wieġeb li għadhom qed jaqraw ir-rapport meta ġie mistoqsi dwar il-futur tas-segretarju permanenti Ronald Mizzi li bħalissa jaħdem mal-Ministeru għat-Turiżmu. L-NAO sab li Ronald Mizzi wkoll kellu xi responsabbilità f’dak li ġara.

Robert Abela qal li hu kieku kien jaġixxi b’mod differenti li kieku kien hu fit-tmexxija meta saru l-kuntratti mal-Vitals. Qal li mhux sodisfatt bil-proċess li sar.

Abela qal li f’din l-ewwel parti tal-investigazzjoni l-NAO ma daħalx fil-kwistjoni ta’ bejn Vitals  Steward Health Care.

F’rapport kritiku għall-aħħar dwar it-trasferiment tat-tliet sptarijiet lill-Vitals Global Healthcare (VGH), l-Awditur Ġenerali jindika li l-proċess kien dubjuż, l-Vitals kellhom jiġu skwalifikati u kien hemm kollużjoni fil-ftehim.  L-Awditur jgħid ukoll  li ħadd attwalment assuma r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni.