Ilbieraħ waqt l-ewwel live show ta’ X Factor Malta Celine kważi nqalgħet iżda permezz tas-sing off baqgħet fil-kompetizzjoni u se nkunu qed narawha fit-tieni live show tal-Ħadd 19 ta’ Jannar.
Celine hi tfajla li daħlet għall-kompetizzjoni tal-X Factor wara snin wieqfa mill-kant wara li kienet ibbuljata fuq il-midja soċjali. Illum li għamlet ir-ritorn tagħha, it-tfajla għandha karattru ferm aktar sod minn ftit tas-snin ilu u fl-aħħar ġranet ma ddejqitx taqsam xi ħsibijiet tagħha.
“Kultant huma l-kantanti stess li jxerrdu l-mibgħeda”
F’messaġġ pjuttost twil fuq il-paġna tagħha, Celine għamlet bosta punti fosthom wieħed fejn issostni li ħafna minn dawk li jkunu qed ixerrdu l-mibgħeda huma kantanti stess.
“Jista’ jkun li huma jagħmlu dan għax ma jkunux irnexxew u għalhekk jinfexxu fir-rabja tagħhom fuq kantanti li jkun irnexxielhom jaslu f’livell għola”.
Hija tgħid li dawn in-nies minflok ma jippruvaw jaħdmu aktar biex isaħħu t-talenti tagħhom, jagħmlu minn kollox biex jitfgħu dell fuq is-suċċessi ta’ oħrajn.
Hi ssemmi wkoll li hemm min marx daqshekk tajjeb fil-kompetizzjoni tal-X Factor u għalhekk ikollhom fil-mira kantanti li jkunu mxew ‘il quddiem.
“Igħidulek li tkanta qisek raġel”
Celine ssostni li hemm kategorija ta’ nies li mhumiex familjari mal-mużika blues/jazz imma jkunu minn tal-ewwel li jridu jikkritikaw u saħansitra jgħaddu kummenti bħal “int tkanta qisek raġel”.
Dak li s-soċjetà ma tistennix li tara fuq it-TV
Kategorija oħra ta’ nies li jxerrdu kummenti ta’ mibgħeda huma dawk li għandhom phobia lejn dawk li jkunu differenti minnhom.
“Li jaraw mara qawwija, b’xagħrha mqaxxar u mingħajr make up mhix xi ħaġa li s-soċjetà tistenna li tara fuq it-televiżjoni,” ikkummentat hi.
Il-mentalità Maltija u l-Eurovision
Celine tirrimarka dwar il-fatt li mhux kull kantanta tkanta il-pop jew il-ballads. Ħafna huma lesti li jikkritikaw dwar x’noti għandhom jilħqu l-kantanti nisa w irġiel.
Iżda fir-realtà ħafna ma jinteressaħhomx mill-kapaċità tal-kantant għax moħħhom biss fl-istess żewġ ġeneri ta’ kanzunetti li għandu jkollna fil-Eurovsion.
Kritika kostruttiva
Punt mill-aktar interessanti li Celine tqajjem fil-kitba tagħha hija l-iskuża li ħafna jużaw ta’ “Kritika kostruttiva” li fil-verità m’għandhix titħallat ma’ messaġġi ta’ mibgħeda.
It-tfajla tgħid ukoll li min ma jafx x’jiġifieri l-mużika ma jistax jikkritika b’mod kostruttiv, l-istess bħal ma hi ma tistax tikkritika futboler la darba ma tafx x’jiġifieri partita futbol.
Punti interessanti u li ta min jomgħodhom. Celine din is-sena għamlet differenza kbira fil-kompetizzjoni ta’ X Factor u ċertament li twassal fejn twassal f’dawn il-ftit ġimgħat li fadal, hija kantanta li se nkunu qed nisimgħu għal ħafna snin li ġejjin.