Ministru tqabbel l-abbuż sesswali ma’ qtil

Fid-diskussjoni fil-Parlament illejla b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ, il-Ministru għal Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli qabblet l-abbuż sesswali minn membri tal-kleru ma’ delitti oħrajn, fosthom l-istess abbuż sesswali minn persuna lajka jew qtil.
Sostniet li hi inġustizzja li membri tal-kleru ma jiffaċċjawx l-istess proċeduri fil-Qorti b’mod awtomatiku bħal persuni lajċi, mhux biss ma’ persuni oħra li allegatament iwettqu l-istess delitt imma b’mod partikolari mat-tfal li jkunu vittmi.
Filwaqt li faħħret il-ħidma ta’ ħafna qassisin u sorijiet, inkluż dik mat-tfal, Helena Dalli sostniet li dan hu aspett ieħor ta’ separazzjoni bejn l-operat tal-Knisja u tal-Istat, u staqsiet jekk f’każ li jkun hemm qassis li jwettaq delitt ieħor li mhux abbuż sesswali, bħal qtil, jiġix ipproċessat bl-istess mod ta’ persuna lajka inkella le. Saħqet li persuna pedofila teħtieġ l-għajnuna għaliex inkella jsib vittmi ġodda.