Ministru Taljan jitlob għal sanzjonijiet mill-UE fuq Malta

Photo: Archives

Il-Ministru għat-Trasport Taljan Danilo Toninelli fi Tweet appella lill-Unjoni Ewropea biex tagħmel sanzjonijiet kontra Malta talli, skont hu, ma ġabritx l-immigranti li kienu fuq dgħajsa fiż-żona ta’ Malta din il-ġimgħa. Fit-Tweet tiegħu, Toninelli qal ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha tiftaħ il-portijiet tagħha għas-solidarjetà.

Madankollu, il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’kumment li għamel fuq One Radio qabel it-Tweet ta’ Toninelli, insista li Malta kienet qed issegwi l-liġi internazzjonali meta ma daħħlithomx. Dan peress illi n-nies abbord ma kinux fi stat ta’ periklu, u rrifjutaw  l-għajnuna tal-awtoritajiet Maltin. Muscat qal li fuq id-dgħajsa kien hemm 177 immigrant.

Din id-dgħajsa, imbagħad, marret lejn Lampedusa, fejn bastiment Taljan tal-Guardia Costiera, Diciotti, mar jiġbor lill-immigranti.

Kemm il-Prim Ministru kif ukoll l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia saħqu li din ma kinitx ħidma ta’ salvataġġ min-naħa tal-Italja, imma sempliċiment interċettazzjoni. Anke jekk dal-każ iqisuh wieħed ta’ salvataġġ it-Taljani, id-dgħajsa xorta kienet ħafna eqreb ta’ Lampedusa milli ta’ Malta, sostnew Muscat u Farrugia.

Nibagħtuhom lura l-Libja – Salvini

Il-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini insista li Malta għandha tieħu lil dawn l-immigranti, imma l-Italja qed titlob lil pajjiżi Ewropej oħra għall-għajnuna wkoll. Huwa żied li jekk l-Italja ma tingħatax għajnuna, l-Italja jkollha tibgħat l-immigranti lura lejn il-Libja.

Sadanittant, il-Ministru għall-Estern Enzo Moavero, beda ħidma diplomatika biex jikseb l-appoġġ ta’ pajjiżi Ewropej li jkunu lesti li jieħdu wħud mill-immigranti.

Diciotti jistenna struzzjonijiet

Il-bastiment Diciotti ġabar lill-immigranti erbat ijiem ilu, u għadu qrib Lampedusa, jistenna li jingħata struzzjonijiet.

Il-bastiment oriġinarjament ġabar 190 immigrant iżda 13 minnhom, fosthom xi tfal u mara, tniżżlu Lampedusa għall-kura. Fost dawk li baqa’ fuq il-bastiment hemm 11-il mara u xi tfal.