“Ministru ma jistax jiġi mġiegħel jixhed xi ntqal fil-Kabinett”

Miguela Xuereb

Read in English.

Espert legali li tkellem ma’ Newsbook.com.mt qal li Ministru tal-Kabinett ma jistax jiġi mġiegħel mill-Qorti biex jixhed dwar dak li jingħad fil-Kabinett.

Huwa żied jgħid li teknikament il-liġi tgħid li dokumenti tal-Kabinett huma privileġġati u ma jkunx hemm l-obbligu li jittellgħu l-Qorti, iżda bla dubju ta’ xejn dan jgħodd ukoll għad-diskors li jintqal.

Newsbook.com.mt talab dan il-parir wara li ntqal li fil-kawża li għamel Yorgen Fenech kontra l-membri tal-Kabinett li rrifjutaw li jirrakkomandaw maħfra, se jittellgħu jixhdu ministri li jkollhom jgħidu xi ntqal waqt il-laqgħa li kienet bdiet il-Ħamis 28 ta’ Novembru filgħaxija, u kompliet sal-Ġimgħa fit-3.00a.m.

Ministru jista’ jitkellem

L-istess espert legali qalilna li naturlament Ministru jista’ jagħżel li jgħid xi ntqal.

“Dan teknikament ikun ksur tal-liġi, iżda ma naħsibx li xi ħadd jieħu passi kontra tiegħu”.

Jidher li l-Maltin biex ikunu jafu x’ġara eżatt f’dawn il-laqgħat ikollhom joqogħdu fuq id-diversi rapporti li kien hemm fil-midja inkluż Newsbook.com.mt.

X’kien irrapporta Newsbook.com.mt

Sorsi infurmati kienu qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-maġġoranza ta-Ministri kienu taw parir lill-Prim Ministru Joseph Muscat jirriżenja.Fil-laqgħa kien hemm mumenti ta’ tensjoni u li f’ħin minnhom, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista tant ħakmitu t-tensjoni li nfaqa’ jibki.

Rapporti f’midja oħra kienu qalu li tul il-laqgħa kienet diskussa ittra li fiha kien hemm pjan magħmul minn Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru biex il-ħtija tal-assassinju tintefa’ fuq il-Ministru Chris Cardona.

Keith Schembri ċaħad li hu qatt għamel dan.