Ministru jinsisti li l-ispetturi jkunu aktar iffukati fuq xogħolhom

Il-Ministru għas-Sigurtà Interna, Michael Farrugia, insista li l-ispetturi tal-Pulizija jkunu aktar iffukati fuq xogħolhom u jkomplu jaħdmu fuq l-investigazzjonijiet tagħhom.
Dan kien il-messaġġ tal-Ministru lbieraħ waqt iċ-ċerimonja ta’ promozzjoni li fiha nħatru 37 spettur ġdid fil-Korp tal-Pulizija.
Żied jgħid li hu għalhekk li qed jiġi evalwat l-aħjar mod kif se titwaqqaf taqsima tal-prosekuzzjoni.
Żied jgħid li jridu jiddaħħlu sistemi ta’ żvilupp fit-teknoloġija li jgħinu lill-Korp fil-ħidma tiegħu.
Preżenti għaċ-ċerimonja, li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, kien hemm il-Kummissarju Lawrence Cutajar, li feraħ lill-ispetturi l-ġodda u qalilhom biex jaqdu dmirhom fl-interess tal-poplu.
Wara l-ħatra tagħhom, l-ispetturi se jattendu kors ta’ sena fl-Università ta’ Malta u fl-istess perjodu se jitħarrġu fil-prattika f’diversi distretti u branki fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
Minn dawn is-37 spettur ġdid, 26 huma rġiel u 11 nisa.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut