Ministru jakkuża canvasser tal-PN b’korruzzjoni u “għadu jiġri barra”

Il-Ministru Joe Mizzi akkuża canvasser tal-Partit Nazzjonalista bħala l-perċimes ta’ korruzzi fl-għoti tal-liċenzji tas-sewqan taħt Gvern preċedenti u li dan “għadu jiġri barra”. Qal li dak li kien iseħħ fil-qasam tat-trasport fl-amministrazzjoni preċedenti hu “ta’ min jikkundannah” filwaqt li sostna li l-Gvern attwali jirrapporta għal investigazzjoni kull każ ta’ korruzzjoni li jxomm.
Joe Mizzi sostna li l-Gvern preċedenti ma ħax passi kontra min ħa flus – semma anke ċ-ċifra ta’ €700 – għal liċenzji tas-sewqan li ngħataw “lil min lanqas biss resaq għat-test” u qal li hemm il-provi iżda “l-perċimes, li kien canvasser ta’ tliet Ministri tal-Partit Nazzjonalista, għadu jiġri barra sal-lum”. Sostna li nqabdu l-ħut iż-żgħar għaliex ġew investigati, instabu ħatja u ġew interdettjati filwaqt li spjega li kien “hemm min lanqas jaf isuq rota u għandu l-liċenzja biex isuq trakk, biex isuq karozza, biex isuq mutur”.
Joe Mizzi kien qed iwieġeb għadd ta’ mistoqsijiet supplimentari fil-Parlament li sarulu mid-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina dwar iż-żieda fil-ħlas tal-liċenzji tas-sewqan u ta’ karozzi privati żgħar, wara Mistoqsija Parlamentari dwar ir-rifużjoni ta’ VAT fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi.
Toni Bezzina talab konferma mill-Ministru li l-liċenzji tas-sewqan żdiedu minn dan il-Gvern b’50% fuq ir-rata ta’ qabel, li ddaħħlet miżata għal min joqgħod għat-test tas-sewqan nhar ta’ Sibt, u żieda ta’ €10 fuq il-liċenzja ta’ kull karozza privata. Min-naħa tiegħu, Joe Mizzi kkonferma “żieda minima u raġjonevoli għaż-żmenijiet tal-lum” fejn jidħlu l-liċenzji tas-sewqan u ta’ karozzi privati filwaqt li qal li min ikun irid joqgħod għat-test tal-liċenzja barra mill-ħin stabbilit għandu jħallas “xi ħaġa” għaliha.