Ministru Iżraeljan jemmen li għad hemm iċ-ċans għal ftehim fuq Ġerusalemm

Ministru Iżraeljan qal li d-deċiżjoni ta’ Trump dwar Ġerusalemm ma tfissirx li ntemm kull ċans biex tinstab is-soluzzjoni ta’ żewġ stati bejn Iżrael u l-Palestina, u li xorta waħda t-talba tal-Palestinjani biex il-Lvant tal-belt tkun tagħhom għadha valida.
Kmieni x-xahar li għadda l-President tal-Istati Uniti rrikonoxxa uffiċjalment lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael, deċiżjoni kontroversjali minħabba li dil-belt tibqa’ fil-qalba tal-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina.
Iżrael irid li l-belt tkun kollha tiegħu, iżda l-Palestinjani jridu li l-Lvant tal-belt ikun tagħhom fl-istat Palestinjan fil-futur, jekk xi darba jkun hemm wieħed.
Il-Ministru Iżraeljan għall-Koperazzjoni Reġjonali, Tzachi Hanegbi, qal lill-midja internazzjonali li għalkemm l-Iżraeljani jemmnu li Ġerusalemm għandha tkun għal kulħadd, din hija biss talba u mhux liġi.
Sostna li minkejja li Iżrael ġonġa l-Lvant tal-belt, xorta din-naħa jistgħu jsiru diskussjonijiet dwarha.
Minkejja dan kienet ċara t-tweġiba ta’ uffiċjal għoli Palestinjan, Nasser al-Kidwa, li ddeskriva dan il-kliem tal-Ministru Iżraeljan bħala wieħed ma jagħmilx sens, imma li jista’ jkun veru kieku l-Iżrael jiprpattika dak li jgħid fil-verità.
Sostna li fl-istess ħin li l-uffiċjali Iżraeljani jitkellmu dwar paċi u taħditiet, il-gvern tagħhom qed ikompli jokkupa art Palestinjana fil-Lvant ta’ Ġerusalemm u mossi oħra simili li jkomplu jgħattnu s-soluzzjoni ta’ żewġ stati.
Hu magħruf li d-deċiżjoni ta’ Trump li jirrikonoxxi lil Ġerusalemm sħiħa bħala l-kapitali ta’ Iżrael, kif ukoll id-deċiżjoni li jmexxi l-Ambaxxata Amerikana minn Tel Aviv għal Ġerusalemm, tista’ tagħti sens ta’ aktar qawwa lill-Iżraeljani sabiex ikomplu jokkupaw aktar art illegalment u kontra liġijiet internazzjonali.
Fir-ritratt: il-PM Iżraeljan, Benjamin Netanyahu (xellug) u l-Ministru Tzachi Hanegbi (lemin).