Ministru Ġermaniż iwissi dwar l-estremiżmu wara l-qtil ta’ politiku

German Federal Interior Minister Horst Seehofer attends a news conference on politically motivated crimes in Berlin, Germany, May 14, 2019. REUTERS/Hannibal Hanschke

Il-Ministru għall-Intern tal-Ġermanja qal li l-qtil ta’ politiku prominenti, aktarx minn xi ħadd mil-lemin estrem huwa attakk fuq is-sistema demokratika Ġermaniża u għandha sservi biex in-nies iqumu mir-raqda. Il-Ministru kkommetta ruħu li jiġġieled kull forma ta’ estremiżmu.

L-arrest ta’ persuna mil-lemin estrem dwar l-isparatura li ġimgħatejn ilu qatlet lil Walter Luebcke, alleat tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel magħruf għall-ideoloġija favur l-immigrazzjoni, ixxukjat lill-Ġermanja. Ħafna sejħu għal gvern aktar proattiv f’risposta għall-estremisti ta’ kontra l-immigrazzjoni.

Il-Ministru Horst Seehofer, li huwa mill-Bavarja kien kontra l-politika tal-bibien miftuħa għall-immigranti li ħaddnet Merkel bejn l-2015 u l-2016. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Seehofer qal li l-estremiżmu tal-lemin huwa periklu serju għas-soċjetà ħielsa Ġermaniża. Qal li dan irid jiġi miġġieled bil-qawwa kollha.

Qal ukoll li l-attakk fuq rappreżentat tal-istat huwa sinjal ta’ allarm. Qal li l-ġlieda kontra l-estremiżmu u t-terroriżmu hija kwistjoni ċentrali għall-Gvern.

Jinqatel politiku fil-Ġermanja; sparawlu għal rasu

Skont l-aġenzija domestika tal-intelliġenza, BfV, hemm madwar 12,700 persuna potenzjalment vjolenti mil-lemin estrem. Poll ta’ Civey juri li madwar 60% tal-Ġermaniżi jemmnu li l-Gvern qed jagħmel ftit biss biex jopponihom.