“Ministru, cut the bluff!”

Id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli f’messaġġ lill-Ministru Konrad Mizzi qaltlu “Ministru, cut the bluff” u saħqet li l-Gvern għandu jibda jirrispetta lill-poplu Malti u Għawdxi li eleġġih biex jiggverna kif jaqbel lilu u mhux kif jaqbel lil Konrad Mizzi.
Fl-aġġornament tal-Parlament, Marthese Portelli qalet li jekk irid ikun onest, il-Ministru għandu jibda billi jippubblika l-kuntratti kollha li ffirma, fosthom il-kuntratti tax-Shanghai Electric dwar il-BWSC, il-purchase agreement tal-Electrogas, il-kuntratt tal-artijiet li għaddew għand Electrogas, il-kuntratt tal-interconnector, tal-Enemalta u tal-hedging agreements kollha. Dan sabiex il-poplu Malti jara favur min huma dawn il-kuntratti kollha li ffirma l-Ministru Mizzi f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.
Dwar il-prezzijiet tal-fuel, qalet li anke jekk wieħed jieħu l-average tal-pajjiżi kollha tal-pajjiżi Ewropej, il-Maltin għadhom iħallsu fost l-ogħla prezzijiet.
Id-deputat tal-PN saqsiet x’fihom il-kuntratti li ffirma Konrad Mizzi u x’fihom li qed iżommuh milli jippubblikahom u jagħmel konferenza tal-aħbarijiet dwarhom.
Saqsiet min verament qed igawdi minn dawn il-prezzijiet għoljin tal-fuel u saqsiet hemmx xi commission.
Temmet bl-istess appell li bdiet bih billi appellat lill-Gvern biex jaħdem skont l-interessi tal-Poplu.