Ministri m’għandhomx jagħtu vantaġġ lill-operaturi privati – Kummissarju

julia farrugia portelli
Facebook / Julia Farrugia Portelli

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler, qal li ministri m’għandhomx jagħtu vantaġġ lill-operaturi privati jew xi inizjattiva tagħhom. Sostna li l-Ministri jridu joqgħodu attenti li ma jaqbżux il-linja fejn għajnuna uffiċjali xierqa u l-għoti ta’ vantaġġ mhux xieraq.

Dan tħabbar fi stqarrija flimkien mar-rapport tiegħu dwar il-konklużjoni ta’ investigazzjoni li segwiet ilment mingħad l-għaqda volontarja Repubblika kontra l-Ministru Julia Farrugia Portelli. Dan l-ilment kien dwar kif hi dehret f’filmat promozzjonali tad-ditta legali Chetcuti Cauchi. Il-filmat kien inġibed fil-Berġa ta’ Kastilja.

Mill-investigazzjoni tiegħu, il-Kummissarju sab li d-ditta legali Chetcuti Cauchi pproduċiet tliet filmati biex tippromwovi l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment u ta’ viżi residenzjali. Il-Ministru Farrugia Portelli, dak iż-żmien kienet is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-istess skemi. Hi kienet dehret fit-tliet filmati flimkien ma’ uffiċjali tal-aġenziji tal-gvern li jamministraw l-iskemi u rappreżentanti tad-ditta stess.

Il-Kummissarju kkonkluda li dan seta’ ta vantaġġ mhux xieraq lid-ditta legali in kwistjoni għax il-filmati taw l-impressjoni li d-ditta kellha rabtiet mill-qrib mal-awtoritajiet. “Hemm linja fina bejn il-promozzjoni ta’ skema tal-Gvern u l-għoti ta’ trattament preferenzjali lil aġent partikolari. Fil-fehma tiegħi, din il-linja nqabżet fil-każ taħt konsiderazzjoni,” sostna Hyzler.

Intant, il-Kummissarju sab ukoll li s-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli ma kinitx direttament involuta fil-produzzjoni tal-filmati, ħlief għas-sehem tagħha billi dehret fil-filmat. Hu ddeskriva l-azzjoni tagħha bħala waħda ta’ nuqqas ta’ ħsieb u mhux ta’ mala fede. Qal li kienet ukoll nuqqas ta’ azzjoni f’waqtha biex il-filmati jitneħħew malli saret taf bl-effetti tal-aġir tagħha.

Ġie spjegat li l-Ministru kienet tat l-istruzzjonijiet biex il-filmati jitneħħew mill-paġni elettroniċi tad-ditta Chetcuti Cauchi wara li l-Kummissarju ltaqa’ magħha u mal-Avukat Jean Philippe Chetcuti. Ladarba dan seħħ, il-Kummissarju deherlu li fiċ-ċirkostanzi dik l-azzjoni u r-rapport tiegħu huma fihom infushom rimedju biżżejjed. B’hekk hu għalaq il-każ skont l-artikolu 22(5) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

Farrugia Portelli tieħu nota…

Fi stqarrija b’reazzjoni għar-rapport ta’ Hyzler, il-Ministeru għat-Turiżmu qal li l-Ministru Farrugia Portelli ħadet nota tal-konklużjonijiet tar-rapport. Hi rrikonoxxiet li fir-rapport tiegħu l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jagħmilha ċara li l-aġir tagħha bl-ebda mod ma sar b’xi intenzjoni ħażina.

“Farrugia Portelli għandha tirreżenja” – Repubblika

L-għaqda Repubblika, b’reazzjoni għar-rapport rigward l-ilment tagħha stess, insistiet li l-Ministru Julia Farrugia Portelli għandha tirreżenja. Hi sostniet li Farrugia Portelli nstabet ħatja li ġabet ruħha b’mod skorrett meta ħadet sehem f’filmat reklam organizzat mill-kumpanija tal-avukati Chetcuti Cauchi ġewwa Kastilja, bħala pubbliċità għall-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.

Repubblika sostniet li tinsab inkwetata kif il-Pulizija ma rrispondewx għat-talba tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar jekk kinitx għaddejja investigazzjoni dwar xi materja relatata. Spjegat Ii fil-5 ta’ Marzu il-Kummissarju kiteb lill-Pulizja imma dawn ma risspondewx.

Erfa r-responsabbiltà politika u rriżenja minnufih Il-PN

Intant, il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iċ-Ċittadinanza Karol Aquilina stqarr li l-Ministru Julia Farrugia Portelli għandha terfa’ r-responsabbiltà politika u tirriżenja minnufih.  Stqarr li l-Partit Nazzjonalista jqis il-pożizzjoni tagħha bħala waħda mhix aktar tenibbli. Il-Partit Nazzjonalista, fl-istqarrija, fakkar lill-Ministru li l-filmat promozzjonali li ġie żvelat mill-midja u li ntuża minn ditta legali li tbigħ il-passaporti, ġie ffilmjat fil-kamra fejn is-soltu jiltaqa’ l-Kabinett f’Kastilja u li fih jidhru hi, il-Kap Eżekuttiv tal-IIP Jonathan Cardona u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Residency Visa Agency Roderick Cutajar. Il-PN qed jinsisti li dan hu mument ta’ prova ieħor għall-Prim Ministru Robert Abela.

“Aġixxejna b’intenzjonijiet tajba” – Chetcuti Cauchi

Intant Chetcuti Cauchi stqarret li bħala aġent liċenzjat tal-IIP, kellha l-obbligu li tippromwovi l-iskema taċ-ċittadinanza u li titlob l-approvazzjoni tal-Aġenzija tal-IIP għal kull pubblikazzjoni relatata mal-IIP. Qalet li l-filmat in kwistjoni kien riżultat ta’ riċerka mnegħdija mid-ditta fejn ġew imqabbla l-istandards ta’ due diligence ta’ l-IIP ma’ dawk ta’ 12-il programm mad-dinja kollha.

Il-kumpanija qalet li apparti l-logos tad-ditta fil-filmat, ir-rappreżentanti tad-ditta għamlu stqarrijiet fattwali dwar investiment f’diversi setturi f’Malta, u m’ghamlu l-ebda riferenza diretta għas-servizzi tad-ditta. Id-ditta tispjega li ssuġġeriet li l-filming ma’ jsirx fl-uffiċċju prinċipali tad-ditta propju biex jiġi evitat impressjoni ta’ trattament preferenzjali. Qalet li l-filming spiċċa sar Kastilja wara diffikultajiet biex il-parteċipanti jiltaqgħu f’post wieħed u b’ebda intenzjoni ħażina.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn