Read in English.
Is-siti tal-Miżieb u tal-Aħrax qegħdin uffiċjalment f’idejn il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjoni wara li ġew iffirmati żewġ ftehimiet nhar il-Ġimgħa, f’avveniment li nżamm moħbi mill-media u mill-pubbliku.
L-avveniment kellu jsir il-Miżieb nhar il-Ħadd, fejn kienet mistennija protesta. Però jidher li l-gvern u l-FKNK riedu jaħarbu minn kull forma ta’ konfront mal-kritiċi tagħhom, u l-iffirmar sar jumejn qabel kien mistenni, bil-gvern iħabbar kollox biss wara.
Wieħed mill-ftehimiet sar bejn l-FKNK u l-Awtorità tal-Artijiet, li jagħti l-federazzjoni d-dritt li tieħu ħsieb l-immaniġġjar taż-żewġ siti għal 3 snin. Il-ftehim l-ieħor sar bejn l-FKNK u l-Awtorità għar-Riżorsi Ambjentali.
Aktar kmieni llum, il-Birdlife Malta iddeskriviet il-pjanijiet tal-gvern bħala kaċċa għall-voti, favur grupp li ma jagħti xejn lis-soċjetà għajr li jieħu ħsieb l-interessi dojoq tal-membri tiegħu, li għalkemm imlew iż-żewġ siti b’illegalitajiet matul is-snin se jingħataw responsabbiltà fuqhom.
Min-naħa tiegħu, il-gvern insistà li l-ftehimiet idaħħlu obbligi ġodda fuq l-FKNK, inklużi l-manutenzjoni, iż-żamma tal-indafa u ż-żamma ġenerali tas-siti. Però, f’kummenti li ta lill-ġurnalisti nhar il-Ħamis, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li effettivament l-affarijiet se jibqgħu l-istess, u li l-FKNK ħadet ħsieb sew taż-żewġ siti.
Qal ukoll li s-siti jridu jibqgħu aċċessibbli għall-pubbliku bl-esklużjoni ta’ ħinijiet fissi u mmarkati b’mod ċar waqt l-istaġun tal-kaċċa. L-FKNK se tkun obbligata timmarka spazji dedikati bħala siti tal-kampeġġ u picnic areas.
Kaċċaturi San Ubertu tinsisti li l-aċċess m’għandux jiġi ristrett
Il-Kaċċaturi San Ubertu qalet li filwaqt li taqbel li għaqda ta’ kaċċaturi u nassaba tingħata t-tmexxija ta’ art pubblika, temmen li m’għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni fuq min jista’ jidħol f’art pubblika u meta.
L-għaqda, li hi awtonoma u li tgħodd madwar 3,000 membru, qalet li la kienet involuta u lanqas ikkonsultata fuq il-pjanijiet tal-gvernm u ċċarat li l-ebda membru tagħha ma jitħalla jidħol f’dawn l-artijiet.
“Kaċċaturi San Ubertu temmen li kull ċittadin Malti għandu dritt daqs ħaddieħor biex jidħol ġo kwalinkwe art publika. Temmen li mandux jkun hemm l-ebda preferenza u restrizjonijiet ta’ minn jidħol u meta,” qalet il-KSU.
“Waqt li Kaċċaturi San Ubertu taqbel li għandu jkun hemm għaqda responsabli għas-sit, qed titlob lil Awtoritajiet li l-aċċess fuq artijiet publiċi ma jkunux esklussivament għall minn jingħata ir-responsabilta’ tas-sit u lanqas ma għandu jkun hemm ħlas biex wieħed jkun jista jidħol igawdi art publika.”
Il-gvern jibża’ mill-opinjoni pubblika – BirdLife Malta
BirdLife Malta esprimiet l-oppożizzjoni tagħha kemm għall-ftehim kif ukoll lejn il-mod sigriet kif intlaħaq, li, skont l-għaqda ambjentali, ikkonferma li l-intenzjoni tal-gvern dejjem kien “li jibqa’ għaddej bħal gaffa fuq l-opinjoni pubblika.”
Wegħdet li se tkompli taħdem biex Malta jkollha ambjent naturali aħjar, u ħeġġet il-pubbliku jinġabar il-Miżieb nhar il-Ħadd “biex nuru l-għadab tagħna għall-attitudni bla rispett tal-Prim Ministru Robert Abela.”
Art pubblika m’għandhiex tingħalaq mingħajr raġuni valida – PN
Il-Partit Nazzjonalista ikkundanna l-iffirmar tal-ftehimiet, u speċifikament il-fatt li sar bil-moħbi ta’ kulħadd minkejja li kienu nħarġu stediniet għal attività li kellha ssir il-Ħadd.
Il-kelliem għall-ambjent David Thake qal li ‘gvern li jisma’ għażel li jirrombla minn fuq is-soċjetà ċivili, il-kunsill lokali u kull minn talab li l-ftehim jiġi ppubblikat qabel ma jiġi ffirmat.
“Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li ma jaċċettax li l-art pubblika tkun magħluqa għall-pubbliku mingħajr raġuni valida,” insista Thake.
Fuq Facebook, il-kap tal-partit Bernard Grech ikkundanna l-arroganza tal-gvern, u qal li l-partit jinsisti li dan il-ftehim kellu jgħaddi minn skrutinju qabel jiġi ffirmat, bl-istakeholders kollha mogħtija l-opportunità jagħtu s-sehem tagħhom.
7 għaqdiet ambjentali jiftħu azzjoni legali
Numru ta’ għaqdiet ambjentali u attivisti oħra għamlu protest ġudizzjarju indirizzat lill-Ministru Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius u l-Awtorita’ tal-Artijiet talli awtorizzaw il-ftehim li l-awtorità ffirmat mal-FKNK.
Fil-protest saħqu li l-ftehim mhux biss nieqes mit-trasparenza iżda wkoll mill-konsultazzjoni ma min jagħmel użu rikreattiv tal-kampanja, li se jaraw it-tgawdija tagħom titnaqqar serjament b’konsegwenza tal-ftehim. Emfasizzaw li l-istaġun tal-kaċċa effettivament idum 9 xhur.
Ikkundannaw ftehim li “ikompli jippremja lil dawk li jwettqu l-illegalitajiet f’dawn is-siti, waqt li fl-istess hin jikkstigaw lil dawk li jgawdu l-kampanja waqt li jobdu l-liġi.”
Qalu wkoll li l-art pubbliku kienet qed tingħata b’mod arbitrarju u għal raġunijiet mhux xierqa, u li dan ifisser abbuż ta’ poter. Konċessjoni ta’ dan id-daqs kienet teħtieġ proċess kompettittiv b’termini u objettivi ċari, skont l-għaqdiet.
Il-protest ġie sottomess qabel ma tħabbar l-iffirmar tal-ftehim, u b’hekk l-għaqdiet talbu biex l-awtoritajiet iżommu lura milli jilħqu ftehim fuq l-Aħrax u l-Miżieb mingħajr ma jħarsu d-drittijiet ta’ dawk li jgawdu l-aċċess għall-kampanja.
Ġie ffirmat mir-Ramblers’ Association of Malta, Birdlife Malta, Din L-Art Ħelwa, Moviment Graffitti, Nature Trust (Malta), Flimkien Għal Ambjent Aħjar u Bicycle Advocacy Group, kif ukoll Edward Mallia, Christine Bellizzi u Claire Bonello.