“Ministri ċaħħdu lil ibni jmur għall-kura l-Italja fejn lesti jilqgħuh”

Omm qalet li Ministri ċaħħdu lil binha milli jmur għall-kura dwar droga fl-Italja, fejn lesti jilqgħuh. Qalet li bħala omm ilha tiġġieled ma’ Ministri u tikteb lill-Prim Ministru li ma jistax ikun li m’hawnx programm għal tfal minn 12-il sena sa 17 il-sena. Spjegat fuq Facebook li bħala omm li sabet lil binha qed jabbuża mid-droga, għamlet minn kollox biex issib l-għajnuna imma sabet bibien jistabtu ma’ wiċċha. Kitbet li “Spettur ixammar il-ġlekk jgħidlek familja mkissra, joħdulek it-tfal u jitfgħuhom ġo istitut għax ħuhom jieħu d-droga. Maġistrati tgħidilhom li m’hawnx programmi għal dawn it-tfal u jgħidulek mhux veru u jitilgħu kemm tal-Appoġġ u kemm Cartias jixhdu u jibqgħu imeru, l-ispettura tat-tfal tisma’ b’widnejha u kollox itir mar-riħ.”

Meta tkellmet dwar il-vizzju tad-droga, l-omm qalet li mhux ġust il-mod kif qed jiġi trattat Liam Debono, iż-żagħżugħ li kien saq minn fuq l-uffiċjal tal-Pulizija Simon Schembri u kaxkru ammont ta’ metri u  li l-ġimgħa li għaddiet ngħata l-ħelsien mill-arrest. Tistaqsi jekk setgħetx tiġi evitata t-traġedja li kieku ż-żagħżugħ sab min jgħinu bil-passat tiegħu.

Tgħid li “Bħal ma qed takkużaw lil dan it-tifel għax ma takkużawx lil min jikkmanda. Bħal ma tridu titfgħuh 40 sena ħabs itfgħu lil min jikkmanda miegħu għax dan seta’ kien ibnek u iben kulħadd….titfgħu il-ġebel meta hawn ġenituri jibku għax uliedhom taħt it-trab f’età tenera u minħabba d-droga. Titfgħu il-ġebel meta qas tafu x’effett irah tagħmel id-droga.” L-omm kitbet fuq Facebook f’kumment lill-Ispettur Sandro Camilleri li sejjaħ is-sentenza bħala “oxxenità” u qal li jridu jitqiesu “l-gravità tal-każ u l-fatti kif żvolġew…apparti l-każijiet preċedenti li kellu.” Qal ukoll li “imsieken dawk iż-żagħżagħ li jitħajjru jidħlu fil-Pulizija għax tkun qed tarmi lilek innifsek.”

Spjegat li mhix se tgħid li dak li għamel Liam hu ġustifikat, anzi jiddispjaċiha għall-vittma u l-qraba tiegħu. Qalet li bħala omm li għaddiet u għadha għaddejja, ma tistax ma tikkummentax. Qalet li bħalissa hawn agħa kbira fuq dan il-każ għax il-vittma huwa pulizija u Liam hu ġuvni li għandu iktar każi mal-pulizija.

Tistaqsi jkunx aħjar ukoll jekk flok il-pulizija u suldati joħorġu bil-pensjoni, jiftħu ċentru fejn jgħinu lil dawn it-tfal fid-dixxiplina u jgħinuhom iħobbu lilhom infushom. L-omm ittemm billi twissi li llum kien Liam u għada pit’għada jistgħu jkunu t-tfal ta’ ħaddieħor.