“M’iniex responsabbli mill-esproprjazzjoni ta’ proprjetà fi triq Zekka” – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mhux responsabbli bl-esproprjazzjoni ta’ proprjetà fi triq Zekka fil-Belt Valletta u tal-kumpens li ħa Marco Gaffarena.
Dan qalu waqt li kien qiegħed jixhed fil-kawża li kien fetaħ huwa stess biex jiġi rrevokat it-trasferiment tal-proprjetà.
Gaffarena kien akkwista nofs binja fi Triq Zekka, il-Belt Valletta u wara  ġiet esproprijata mill-Gvern għal €1.65 miljun. Il-koppja kienet ġiet ikkumpensata b’€3.4 miljun.
Fix-xhieda tiegħu, il-Prim Ministru qal li huwa sar jaf b’dak li ġara mill-midja.
Fil-Qorti, il-Prim Ministru qal li għalkemm id-Dipartiment tal-Artijiet jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, huwa jiddelega l-awtoritajiet lis-Segretarji Parlamentari.
Fl-aħħar xhieda dwar dan il-każ, il-Prim Ministru żied jgħid li, is-Segretarji Parlamentari huma responsabbli minn dak li jiġri u li l-irwol tiegħu huwa biss li jagħti direzzjoni ġenerali.
Quddiem l-Imħallef Anna Felice, Dr Muscat qal li r-responsabbiltà politika diġà ntrefgħet mill-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon, li kien irriżenja hekk kif tfaċċa dan l-allegat skandlu.
Diversi mistoqsijiet li tqajmu mill-avukat tal-koppja Gaffarena ġew meqjusa bħala irrilevanti mill-Qorti.
L-Imħallef Anna Felice saħqet li l-PM kien qiegħed hemm biex iwieġeb fuq fatti biss.
Il-każ se jkompli fis-27 ta’ Ġunju.