“M’iniex niġi imbuttat biex nieħu post Delia” – Louis Galea

Read in English.

Louis Galea, li huwa inkarigat mir-riforma fil-Partit Nazzjonalista, qal li mhuwiex qed jiġi imbuttat biex jieħu post Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Galea bagħat stqarrija lill-midja dalgħodu li fiha ċaħad dak li allega iNews, li Galea huwa imbuttat biex jieħu post Delia bħala kap interim tal-Partit Nazzjonalista. Saħaq li m’hemm l-ebda verità f’din l-allegazzjoni u sejħilha biss “qlajja.”

L-eks Ministru qal li, “Meta f’Lulju lqajt l-istedina tal-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia, u tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN biex ngħin fil-proċess ta’ tiġdid tal-partit, għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, iddikjarajt kategorikament li m’għandi l-ebda intenzjoni naċċetta l-ebda kariga fil-partit, wisq aktar ta’ Kap interim, ħlief li ngħin fir-riforma u tiġdid tal-partit bħala servizz lill-Kap Adrian Delia u lill-partit.”

Ġimgħa ilu, Galea qal li l-iskop tiegħu huwa li l-Partit Nazzjonalista jiġġedded u jingħaqad. Il-Kap Adrian Delia rreaġixxa għar-reżenji ta’ Kristy Debono, Clyde Puli, Robert Arrigo billi qal li dawn ir-reżenji ma sarux fuq parir ta’ Galea.

Fis-6 ta’ Frar, Galea kiteb lill-President tal-Kunsill Eżekuttiv tal-PN biex jitlaqqa’ l-Eżekuttiv ħalli jintgħażlu n-nies għal tmexxija ġdida tal-Partit Nazzjonalista. L-Eżekuttiv iltaqa’ nhar it-Tlieta li għadda u beda dan il-proċess.