Mini u Griz għada lura fuq it-TV

Ilhom neqsin minn fuq it-televiżjoni iżda għada Mini u Griz se jkunu lura fuq it-televiżjoni permezz ta’ kollegament mid-dar tagħhom fejn waqt il-programm Net Live li jixxandar fuq l-istazzjon Net se jkunu qed iwasslu messaġġi qosra lit-tfal Maltin biex inisslu kuraġġ waqt li bħalissa kulħadd jinsab imħasseb dwar dak li għaddej madwar id-dinja minħabba fil-coronavirus.

Il-programm Net Live jixxandar mis-6pm ‘il quddiem u l-aħbar li proprju għada se jkunu qed jitfaċċaw mill-ġdid ingħatat minn Toni Busuttil fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook.

Din l-aħbar intlaqgħet mill-ewwel tajjeb minn ħafna nies li mill-ewwel bdew iħallu l-kummenti tagħhom u ċertament li filwaqt li dawn il-kollegamenti huma mmirati lejn it-tfal żgur se jiġbdu l-interess ta’ ħafna li snin ilu kienu jsegwu l-programmi tagħhom u kibru magħhom.

Min jaf… forsi ‘l quddiem għad nerġgħu wkoll narawhom b’mod regolari, iżda sadanittant nistennew li proprju għada naraw ir-ritorn tagħhom wara ħafna snin.