Mini-market jikser il-liġi; multa lil 67 persuna

Mini-market f’Tas-Sliema nstab li kien qed jikser il-liġi, filwaqt li 67 persuna ngħataw multa ta’ €100 kull wieħed waqt ir-rondi kontinwi li l-Pulizija qed tagħmel biex tassigura li ma jkunx hemm ġemgħat ta’ aktar minn tliet persuni f’postijiet pubbliċi. Dan b’rabta mal-ħidma mill-awtoritajiet biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-coronavirus.

Fil-bullettin li jibgħat kull filgħaxija, il-Gvern qal li l-mini-market kien qed jipprovdi servizzi ta’ catering u take-away, u ġie ordnat jagħlaq u se jiġi mmultat. Il-Gvern fakkar li wieħed jista’ jċempel fuq 21692447 biex jirrapporta abbużi.

Intant, stqarr li ħadd ma nstab jikser il-kwarantina obbligatorja fl-455 spezzjoni li saru fl-aħħar 24 siegħa. L-awtoritajiet wettqu aktar minn 20,000 spezzjoni mindu bdiet tiġi infurzata l-kwarantina obbligatorja. L-appell tal-Gvern jibqa’ dak li kulħadd ikun responsabbli u jikkopera mad-direttivi li qed jingħataw mill-awtoritajiet.

L-ebda każ ġdid f’Malta; ifiqu 33 persuna oħra

Dalgħodu, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li ġew rikoverati 33 persuna oħra mill-coronavirus. Qal ukoll li ma ġie reġistrat l-ebda każ ġdid tal-coronavirus. Fisser li jekk ir-rata ta’ trażmissjoni tibda tonqos, fil-jiem li ġejjin jistgħu jibdew jiġu llaxkati xi miżuri.

Intant il-lejl li għadda, 18-il persuna nqabdu jattendu festin f’post pubbliku fil-White Rocks f’Baħar iċ-Ċagħaq b’ħamsa minnhom baqgħu jinżammu arrestati għax instabet fuqhom id-droga.

Għandek bżonn l-għajnuna? Ara fuq liema numri tista’ ċċempel

  • 111 – Għal dawk li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtiequ iktar informazzjoni
  • 21411 411 – Għal dawk fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċinali
  • 2294 4511/2294 4504 – Biex tirrapporta lill-pulizija każi ta’ ksur tar-regolamenti dwar saħħa pubblika u l-Covid-19
  • 1772 – Għal dawk li jħossuhom waħedhom
  • 1575 – Għall-ħaddiema biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 1576 – Għal min iħaddem biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 153 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali
  • 144 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mill-Malta Enterprise
  • 2204 2200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’pajjiż ieħor u jridu jiġu lura Malta
  • 2598 1000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv
  • 2169 2447– Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra
  • 2590 3030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix)
  • 2546 9111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn