Minħabba l-Gvern dak li għaddejna minnu għaddejnieh għal xejn – PN

Transport Malta

Il-Partit Nazzjonalista qal li minħabba l-aġir irresponsabbli tal-Gvern Malta se jkollha terġa’ tgħaddi minn dak li għadha kif għaddiet minnu.

Fi stqarrija ffrimata mid-Deputati Stephen Spiteri u Maria Deguara, il-PN qal li jinnota b’dispjaċir ż-żieda qawwija fin-nurmu ta’ każi ta’ coronavirus wara li ġew rilaxxati malajr il-miżuri “kontra l-pariri tal-esperti tas-saħħa pubblika.”

Il-PN qal li biż-żieda ta’ każi s-sistema tas-saħħa se taffaċċja sfidi ġodda.

“L-istess żidiet fil-każijiet ma jawgurawx tajjeb għal ħadd imma l-aktar għal dawk il-persuni vulnerabbli fostna bħall-anzjani u persuni b’abbilitajiet differenti. Dawn tal-aħħar kienu fost dawk li l-aktar bagħtew meta ntalbu għal ġimgħat sħaħ jiżolaw ruħhom u jiċċaħdu minn qrabathom u mill-għeżież tagħhom,” qal il-PN.

Il-partit fakkar ukoll li hemm għadd ta’ tobba u infermiera li kellhom imorru kwarantina għax kellhom kuntatt ma’ każi pottivi b’riskji għalihom u għall-familji tagħhom.

“Għalhekk nikkundannaw l-aġir irresponsabbli tal-Gvern li wara dawn is-sagrifiċċji kollha xorta poġġa l-ekonomija qabel il-ħarsien tas-saħħa tagħna l-Maltin. Minkejja d-diskors fieragħ dwar l-anzjani, jidher ċar li għaliex il-parti l-kbira ta’ dawn ma jikkontribwixxux lejn l-ekonomija, l-Gvern ma jiddejjaq xejn li jpoġġi saħħithom fir-riskju. Jidher ċar li bil-mod il mod, erġajna se jkollna ngħaddu minn dak kollu li għaddejna minnu u agħar minn hekk jidher ċar li għaddejnieh għal xejn,” saħaq il-PN.

Il-PN qal li r-rilaxxar ħesrem u kontra pariri mediċi tal-miżuri huwa insult lill-poplu.

Fl-aħħar 24 siegħa nstabu 49 każ ġdid tal-coronavirus, filwaqt li fiequ ħames persuni. Dan ifisser li t-total ta’ każijiet attivi f’Malta bħalissa huwa ta’ 311-il każ. Id-dettalji dwar dawn il-każijiet il-ġodda ngħataw mill-Prof. Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, waqt l-aġġornament li indirizzat fis-1pm.