“Minħabba l-Covid-19 naqsu t-testijiet tal-HIV imma baqgħu jinstabu ħafna każijiet” – MGRM

Read in English.

Il-Moviment għad-Drittijiet tan-Nies Omosesswali f’Malta (MGRM) qed jappella biex l-HIV jittieħed bis-serjetà u biex ikun hemm pjan xieraq għall-ġlieda kontra din l-epidemija. L-istramberija hi, qalet l-MGRM, li avolja t-testijiet naqsu din is-sena minħabba l-Covid-19, xorta waħda kien hemm ħafna li nstab li għandhom l-AIDS.

Fi stqarrija fil-Jum Dinji tal-AIDS, l-MGRM qalet li filwaqt li dis-sena kienet iddominata mill-pandemija tal-coronavirus, tajjeb niftakru fl-epidemija l-oħra, dik tal-HIV, li serqet kważi 33 miljun ħajja mindu tfaċċa l-ewwel darba. Fl-2019, mietu 690,000 persuna bl-HIV.

Il-moviment spjega li dis-sena, kulħadd sar aktar konxju ta’ kif virus jista’ jaqleb il-ħajja ta’ taħt fuq, u kemm hi importanti l-mediċina kontrih. Ġie spjegat li l-mediċina għall-HIV tant evolviet, li llum in-nies bl-HIV jirnexxilhom jgħixu ħajja b’tul normali, u li ma tħallix il-virus jibqa’ jiġi trażmess.

Minkejja din il-pożittività, l-MGRM wissiet li f’Malta hawn il-ħtieġa ta’ strateġija ffukata fuq it-tneħħija tal-virus, li skontha, għandha tiffoka fuq aktar aċċess għall-ittestjar fil-GU Clinic, fuq it-titjib tas-servizzi mediċi offruti biex il-pazjenti jingħataw trattament modern u effettiv, u billi jiġi żgurat li trattament preventiv ikun disponibbli.

Minkejja li dawn it-tliet punti qed jitjiebu, skont l-MGRM, xi ħaġa mhix taħdem, peress li anke b’inqas testijiet din is-sena, xorta waħda kien hawn 78 każ ġdid tal-HIV.

Issa li donnha d-dinja qiegħda toqrob lejn tmiem il-pandemija tal-Covid-19, l-MGRM appellat lill-awtoritajiet biex jibdew bi pjan biex jibda l-ittestjar normali għall-HIV. Tkellmet ukoll fuq il-mediċina u qalet li huma infurmati li waslet mediċina tal-HIV ġdida iżda għadha mhix titqassam lill-pazjenti. Saħqu fuq il-ħtieġa din titqassam.

L-MGRM temmet l-istqarrija tagħha billi insistiet fuq il-bżonn li trattament preventiv ikun dejjem disponibbli, partikolarment fost dawk l-aktar vulnerabbli għall-HIV. Dan jinkludi pillola li tnaqqas ir-riskju li wieħed jaqbdu l-HIV u condoms.

Statistika mill-Parlament
326 każ tal-HIV f’Malta f’5 snin