“Minħabba 12-il ħaddiem qed ibatu 480 persuna” – il-Gvern

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità appella lill-Union Ħaddiema Magħqudin biex tneħħi d-direttivi tagħha f’Aġenżija Sapport. Dan seħħ wara li l-UĦM Voice of the Workers ordnat lill-ħaddiema ta’ Aġenzija Sapport biex isegwu bosta direttivi li ġew ordnati b’effett immedjat nhar il-Ġimgħa li għaddiet. Skont is-Segretarjat dawn id-direttivi inħarġu minħabba 12-il ħaddiem filwaqt li qed ibatu 480 persuna b’diżabilità minħabba dawn id-direttivi.

Is-Segretarjat Parlamentari appella wkoll biex l-unjin tersaq għall-ftehim kollettiv.

Fi stqarrija is-Segretarjat qal li l-UĦM irrifjutat proposta li biha prova jilħaq kompromess. Huwa kompla billi kritika l-azzjonijiet industrijali huma “sproporzjanti u eċċessivi” hekk kif skontu qed jbatu diversi persuni b’diżabilità. L-istqarrija kompliet tgħid li l-ħaddiema ngħataw żidiet tajbin kemm fil-paga bażika u anki f’allowances.

“Il-benesseri ta’ 500 persuna b’diżabilità ma għandu qatt jintuża f’tilwim industrijali”

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità saħqet li l-benessri ta’ persuna b’diżabilità m’għandu qatt jintuża f’tilwim industrjali b’referenza għall-azzjonijiet msejħa mill-UĦM Voice of the Workers. Il-Ujnijin sejħet numru ta’ azzjonijiet industrjali mill-ħaddiema tal-Aġenzija Sapport il-Ġimgħa li għaddiet.

Il-Kummissjoni awgurat li tinstab soluzzjoni fil-qrib għal din it-tilwima saħqet li din qed taffettwa ħażin il-ħajja ta’ madwar 500 persuna b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Aġenzija.