Mingħalih li għamel xi bravura

Raġel mit-Tajlandja li jaħdem f’ħanut tal-ġugarelli dam ġimgħa biex b’paċenzja kbira għamel il-qattus Doraemon b’2,342 biċċa tal-Lego wara ordni ta’ klijent li xtaqu għall-ewwel tas-sena.

Peress li l-qattus kien kbir ir-raġel ħadmu d-dar u għaqqdu fuq kaxxa. Meta lestieh qagħad jammira x-xogħol li kien għamel. Mhux faċli tgħaqqad bil-Lego qattus b’tant biċċiet ċkejknin.

Meta lestieh minn kollox ħadlu ritratt u bagħtu lill-klijent tiegħu biex jgħidlu b’dan. Biex jistrieħ ftit ir-raġel mar f’ħanut biex jieħu kafè. Meta mar lura d-dar ħa l-ikbar xokk ta’ ħajtu!

Il-qattus ta’ 2,342 biċċa kien fl-art, imkisser. U kuntent kuntent, qisu għamel xi bravura, kien hemm il-qattus tiegħu jħares lejh b’ħarsa innoċenti. Ir-raġel qabad il-qattus f’idu biex jikkastigah … imma l-qattus ħares lejh b’ħarsa ta’ wieħed bla ħtija li misset qalb ir-raġel u dan m’għamillu xejn.

Ir-raġel poġġa ritratti ta’ dak li ġara fuq Facebook biex min jarahom jitħassru għal dak ix-xogħol li għamel għal xejn. Imma kulmin ra l-każ kollha bagħtulu li daħku x’ħin raw x’kien ġara u “kemm hu ħelu l-qattus li għandek!”