“Mingħajr restrizzjonijiet nitilfu l-kontroll” – Ministru tas-Saħħa Taljan

Pietro Luca Cassarino - Commons Creative

Read in English.

Il-Ministru tas-Saħħa Taljan Roberto Speranza ħabbar li l-pajjiż għadu jeħtieġ restrizzjonijiet sabiex iwaqqaf l-infezzjoni COVID-19 milli toħroġ mill-kontroll.

Filwaqt li l-vaċċin jipprovdi tama, il-miżuri għadhom meħtieġa biex tiġi evitata żieda fl-infezzjonijiet mingħajr kontroll, spejga il-Ministru Speranza f’laqgħa mal-gvernijiet reġjonali.

“Ħadd m’għandu jissottovaluta s-serjetà tas-sitwazzjoni”. Il-ministru qal ukoll li l-Italja kien ikollha sitwazzjoni “differenti ħafna” kieku ma kienx hemm ir-restrizzjonijiet imposti waqt il-festi tal-Milied.

Minn nhar it-Tnejn, il-biċċa l-kbira tal-Italja saret “żona safra” hekk kif il-pajjiż reġa’ lura għal sistema ta’restrizzjonijiet ibbażati fuq il-livell ta’ kull reġjun ta’ riskju ta’ tixrid tal-COVID-19 wara li qattgħu ħafna mill-vaganzi tal-Milied magħluqin.

Ir-reġjun ta’ Calabria, Emilia Romagna, Lombardia, Sqallija u Veneto, ġew ikklassifikati bħala żoni oranġjo u allura ser jiffaċċjaw restrizzjonijiet iktar iebsa minħabba li għandhom rati ogħla ta’ infezzjoni. 

Skond ir-regolamenti stabbiliti, il-ħwienet fiż-żoni sofor jitħallew jiftħu u r-ristoranti u l-bars jistgħu jservu lill-klijenti sas-18: 00, u wara dawn jistgħu jagħmlu biss servizzi ta’ takeaway u delivery. 

Fiż-żoni oranġjo, il-ħwienet xorta jistgħu joperaw iżda l-bars u r-ristoranti jistgħu jagħmlu biss servizzi ta’ takeaway u delivery. 

Ta’ min jgħid li fl-Italja għad hemm curfew bil-lejl li jibda fl-10pm apparti l-projbizzjoni tal-ftuħ taċ-ċinemas, mużewijiet, pixxini u gyms.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn