Mingħajr midja ħielsa hemm biss l-illużjoni ta’ demokrazija – Metsola

Il-Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) Roberta Metsola qalet li mingħajr midja ħielsa, pajjiż jista’ jkollu biss l-illużjoni ta’ demokrazija.
Waqt konferenza dwar il-ġurnaliżmu taċ-ċittadini u l-isfidi għas-sigurtà, l-Ewroparlamentari Roberta Metsola tkellmet dwar l-importanza tal-midja biex din isservi bħala ġudikant indipendenti. Qalet li l-ġurnalisti għandhom responsabbilità kbira fuqhom u kkwotat il-kliem ta’ eks-segretarju għall-midja tal-White House li qal li l-kwalità ta’demokrazija hija marbuta mal-kwalità tal-ġurnaliżmu tagħha.
Fi kliem Metsola, l-organi eżekuttivi, leġistlattivi u ġudizzjarji huma pilastri f’dimokrazija li fuqhom jinbena kollox. Però, żiedet tgħid li jekk dawn ma’ jkollhomx il-pedamenti sodi tal-midja, dawn ma jaħdmux kif suppost. Metsola stqarret li hija l-midja li tissepara l-fatti mill-gideb.
Fid-diskors tagħha, l-MPE qalet li meta bank li huwa implikat f’attivitajiet tal-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni jibda jattakka lill-midja, dan ikun attakk fuq il-poplu kollu.
Roberta Metsola fakkret lil dawk preżenti fil-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, li fi kliem l-MPE kienet taf fil-fond il-forzi li kienu qed jaħdmu kontriha. Spjegat kif il-ġurnalista rrifjutat li taqta’ qalbha minkejja l-intimidazzjoni, l-iffriżar tal-assi tagħha, u attentati biex titwaqqa’ għar-redikolu.
Waqt il-konferenza, Metsola qalet li bla dubju ta’xejn, il-mezzi soċjali affetwaw il-mudelli tradizzjonali tal-midja. Qalet li xi drabi, xi aħbar falza fuq l-internet tingħata aktar importanza minn xogħol li jkun involva xhur ta’ ġurnaliżmu.
Fi kliem Metsola, qed isir ħafna użu minn informazzjoni dwar persuni fuq il-mezzi soċjali biex politiċi bla skruplu jagħmlu użu mill-informazzjoni biex jinfluwenzaw lill-pubbliku.