Read in English.
Carmel Pace, l-armel ta’ Miriam Pace, kiteb lil martu li minflok qegħdin madwar mejda f’dan iż-żmien ta’ festi, mar iżur il-qabar tagħha f’għeluq l-10 xahar mindu seħħet it-traġedja.
Fuq Facebook, Carmel Pace esprima r-rabja tiegħu li donnu din it-traġedja ntesiet u ntefgħet taħt it-tapit.
Fit-2 ta’ Marzu tal-2020, Miriam Pace sfat maqtula ġo darha stess fi Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun li ġġarrfet għax kien għaddej xi skavar ġo sit tal-kostruzzjoni biswitha. Wara tfittxija li damet għaddejja sigħat, Miriam Pace nstabet mejta. Hija kellha 54 sena.
Carmel Pace kiteb li meta seħħet it-traġedja, il-pajjiż xegħel bir-rabja, iżda stqarr li n-nar li tkebbes, issa qiegħed biss inemnem. Huwa staqsa diversi mistoqsijiet, fosthom għaliex mhux magħruf x’fih ir-rapport li suppost tlesta mill-esperti mqabbdin mill-Gvern, u għaliex l-awtoritajiet ma jridux jagħmlu inkjesta pubblika biex jaraw kienx hemm nuqqasijiet fl-istituzzjonijiet relatati mal-kostruzzjoni biex setgħet tiġi evitata din it-traġedja.
Lil martu temm jgħidilha li għadu jħoss it-tgħanniqa tagħha, u li ma jgħaddix mument li ma jaħsibx fiha.
Fejn hi l-liġi ġdida li wegħidt? – Repubblika lill-PM
Repubblika kkummentat fuq kif għaddew 10 xhur minn din it-traġedja, u l-liġi ġdida li wiegħed il-Prim Ministru b’rabta ma’ dal-każ għadha ma tfaċċatx.
L-NGO kitbet fuq Facebook li f’Novembru, hija fakkret lill-PM Robert Abela li hu wiegħed liġi ġdida malli jerġa’ jiftaħ il-Parlament f’Ottubru sabiex ma jkun hemm l-ebda ħajja oħra f’riskju minħabba x-xogħol ta’ kostruzzjoni.
“Fejn hi din il-liġi, Prim Ministru? Għaliex is-sigurtà tan-nies mhix prijorità? L-ebda dar m’għandha ssir qabar. Għandna nħossuna siguri f’darna,” temmet tgħid Repubblika.