Minflok ngħinuhom, ibatu minħabba fina – social workers; l-FSWS twieġeb

Għadd ta’ persuni, fosthom tfal, li jużaw is-servizzi tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) qed jiġu affettwati mill-azzjoni industrijali mill-impjegati tal-istess entità.
Dan qaluh ma' Newsbook.com.mt social workers li jaħdmu fi ħdan il-Fondazzjoni, fid-dawl tad-direttivi tal-Union Ħaddiema Magħqudin li ħarġu fl-aħħar jiem.
Fissru kif il-ħajja tal-klijenti tibqa’ għaddejja bil-problemi kollha li jkunu qed jaffaċċjaw, iżda minħabba s-sitwazzjoni kurrenti ma jkollhomx l-aċċess għas-social workers tagħhom permezz tat-telefown.
“L-elezzjoni f’Ġunju: skuża biex ma jsirux diskussjonijiet”
Is-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-ftehim kollettiv skada u li l-laqgħat baqgħu jiġu posposti ta’ spiss. Saħqu li l-elezzjoni ġenerali li saret f’Ġunju ntużat ukoll bħala skuża biex ma jsirux aktar diskussjonijiet.
Is-social workers qalu li jħossu li mhux qed jiġu rispettati bħala professjonisti. Spjegaw li minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol qed jispiċċaw jintilfu ħaddiema li jkollhom ċerta snin ta’ esperjenza. Diversi social workers kellhom itemmu l-karriera tagħhom minħabba l-ammont ta’ stress li jkunu taħtu u li jkollhom bżonn paga u sigħat aħjar biex ikunu jistgħu jsostnu l-familja tagħhom.
Fi stqarrija, il-UĦM qalet li ordnat azzjonijiet industrijali fil-Fondazzjoni peress li ma kienx hemm żviluppi fin-negozjati biex iwasslu għat-tiġdid tal-ftehim kollettiv għall-ħaddiema
X’inhuma d-direttivi fis-seħħ?

  • Ma ssir l-ebda komunikazzjoni bit-telefown jew mowbajl
  • L-ebda komunikazzjoni bl-imejl, messaġġi jew ittri
  • L-ebda attendenza jew parteċipazzjoni f’laqgħat multidixxiplinarji

Risposta tal-FSWS
F'risposta għal dan l-artiklu, l-għada li ġie ppubblikat, l-FSWS qalet li “fil-perjodu li qed jingħad li l-FSWS u l-Industrial Relations Unit ma’ ltqaghux b’mod uffiċjali mal-UĦM, il-management ħadem bi sħih biex ilesti l-kontro-proposti tal-Fondazzjoni li fil-fatt tressqu quddiem il-Ministeru tal-Finanzi għad-diskussjoni nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Jannar.” Żiedu jgħidu li dan l-iżvilupp kien komunikat lill-ħaddiema kollha.
Fir-risposta, l-FSWS qalet ukoll li “Bil-kontra tal-allegazzjonijiet fuq Newsbook.com.mt, in-negozjati qatt ma twaqqfu minħabba l-elezzjoni ġenerali. Anzi ttieħdet deċiżjoni konxja li kollox ikompli business as usual. Mhux minnu lanqas li naqsu l-professjonisti tal-FSWS. Anzi l-għadd ta’ ħaddiema u professjonisti fi ħdan il-Fondazzjoni żdied matul l-aħħar snin sabiex is-servizz li jingħata ikun dejjem aħjar.”
Il-Fondazzjoni temmet tgħid li tibqa’ marbuta li taħdem għal-ġid tas-soċjeta’ kollha u fl-istess waqt tara illi l-ħaddiema tagħha jkunu protetti bl-aħjar mod possibli.