Minflok kontijiet orħos, xi ħadd qed jagħmel profitt – PN

Il-Forum Intrapriżi Żgħar u Medji tal-Partit Nazzjonalista qal li n-nies jistħoqqilhom ikunu jafu min għamel profitt ta’ $40 miljun fil-ftehim li l-Gvern għamel għax-xiri tal-gass LNG mingħand is-SOCAR tal-Ażerbajġan.
Fi stqarrija l-Forum qal li dawn il-flus setgħu ntużaw biex jorħos il-kont tad-dawl. Staqsa għalfejn inħbew ħafna dettalji.
Fl-2017 Malta ħallset għexieren ta’ miljuni ta’ ewro aktar milli suppost minħabba li l-Gvern rabat lill-Enemalta u lill-Electrogas biex jixtru l-gass mill-Azerbajġan.
Matul l-2017 Malta xtrat il-gass bi prezz li huwa d-doppju tal-prezz tas-suq.
“Ftehim f’kuntest inkwetanti” – AD
Fi stqarrija, l-Alternattiva Demokratika qalet li l-ftehim sar f’kuntest inkwetanti. Dan għaliex fi kliemha hemm kumpaniji u kontijiet tal-bank sigrieti, mexxejja korrotti mill-Ażerbajġan, u bank involut fil-ħasil tal-flus.
Il-Kelliem tal-AD għall-Enerġija u l-Infrastruttura Ralph Cassar qal li l-kuntratt tal-gass minn SOCAR lil kumpanija oħra li tagħha wkoll is-SOCAR huma azzjonisti tiffavorixxi bil-kbir lill-Ażerbajġan.
Skont l-AD, ir-rabta fuq il-prezzijiet tal-gass fuq perjodu twil hija riskju.
Skont Cassar, fil-kuntest ta’ stejjer oħra, l-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi u ta’ Brian Tonna ta’ Nexia BT ikompli jagħmel il-ftehim dwar il-gass "suspettuż".