“Minflok jipprietkaw is-saċerdoti għandhom ikunu aktar umani”

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech sostna li minflok jipprietkaw jew jiktbu, fl-azzjoni pastorali tagħhom, is-saċerdoti għandhom juru atteġġjamenti umani.
Waqt l-omelija, fil-quddiesa tal-għeluq tas-sena formattiva fis-Seminarju Maġġuri, l-Isqof Grech staqsa x’jiswa jekk saċerdot ikollu kelma sabiħa biex jipprietka l-Vanġelu, imbagħad ikun umanament fqir – goff, jirrabja, jaħtaf in-nies, insensittiv u ġelliedi.  Sostna li l-umanità tas-saċerdoti hi strument tajjeb għall-evanġelizzazzjoni.
Mons. Grech spjega li hu għalhekk li fil-programm tal-formazzjoni li jipproponi s-Seminarju, tingħata importanza lid-dimensjoni umana tas-seminaristi, imma l-aqwa ħaġa li tista’ tħalli impatt fit-tiswir tal-karattru u l-personalità tas-seminarista, hi l-laqgħa personali u intima ma’ Ġesù Kristu.
Saħaq li ħadd ma jista’ jħalli r-rabja, il-vendetta, l-għira u l-kilba jaħdmu fih mingħajr ebda riedni.  Żied jgħid li “meta nħallu l-istint naturali jmexxina, spiss nidħlu ġol-ħajt u nagħmlu l-ħsara madwarna u lilna nfusna.”
L-Isqof ta’ Għawdex qal li ħafna proposti tal-Vanġelu jikkuntrastaw qatigħ mal-ħajja ordinarja tagħna, minħabba li minn qaddisu, il-bniedem spiss ikollu tentazzjoni li jimxi bil-prinċipju ta’ “għajn b’għajn u sinna b’sinna.”