Minflok għat-turisti, jintużaw mit-tfal għall-pornografija

L-Information Panels li twaħħlu f’diversi partijiet f’San Pawl il-Baħar u Buġibba kellhom jitwaqqfu ftit ħin biss wara li ġew installati.
Dan għaliex xi residenti nnutaw li dawn il-panels, li huma attrezzati bl-internet, kienu qed jintużaw għall-pornografija.
Newsbook.com.mt huwa infurmat li resident partikolari li kien għaddej fejn waħda minn dawn l-Information Panels, ra xi tfal li kien irnexxilhom jaċċessaw siti pornografiċi.
Dawn telqu minn fuq il-post, u ħallew il-websajt pornografika miftuħa.
Malli kien infurmat b’dan, il-Kunsill Lokali ħa azzjoni u l-kuntrattur li pprovda dawn l-Information Panels, ġie ordnat jirranġa l-aċċessibilità li joffru dawn il-pannelli.
F’San Pawl il-Baħar u Buġibba hemm tlieta minn dawn l-Information Panels. Hu mifhum li din il-problema tfaċċat biss fuq panel wieħed.
L-għan wara l-istallazzjoni ta’ dawn l-Information Panels, oriġinarjament kien biex it-turisti jkunu jistgħu jfittxu aktar informazzjoni interattiva dwar il-lokalità.