Aġġornata: ‘Mina bejn Malta u Għawdex hi l-iktar vijabbli’ – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-mina bejn Malta u Għawdex tidher li hi l-iktar għażla vijabbli, iżda jridu janalizzaw kull possibbiltà oħra.
Waqt konferenza organizzata mill-Front Favur il-Mina, il-PM saħaq filwaqt li jaqbel mal-proġett, ir-riċerka għad trid issir, kif ukoll diskussjonijiet.
Il-Prim Ministru qal li l-gvern Ċiniż kien darba offra li jagħmel studju għal pont, iżda li wkoll qabel li mina tkun l-iktar vijabbli.
Semma li l-Gvern irid jara x’se jsir mill-Gozo Channel.
Preżenti kien hemm ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li qal li l-mina għandha tkun meqjusa bħala proġett nazzjonali, iżda li jrid ikun hemm kunsens fil-mod kif se jkun imħares il-proġett. Semma li fl-2012, il-Ministru ta’ dak iż-żmien Chris Said kien deher ambizzjuż meta semma’ l-mina.
Żied jgħid li dan hu proġett mhux tal-Għawdxin biss iżda tal-Maltin ukoll u li sar “il-ħolma ta’ ħafna nies li ħadd ma ħaseb li jista’ jsir. 
Dr Busuttil qal li għandhom jikkunsidraw li jgħaqqdu mhux biss l-Imġarr Għawdex u ċ-Ċirkewwa iżda wkoll il-Belt Valletta mar-Rabat u l-Ajruport u Mater Dei.
Intant fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) qalet li hija favur li jkun hemm mezz ta’ komunikazzjoni stradali permanenti bejn il-gżira ta’ Malta u Għawdex.
L-MDA temmen li dan hu l-uniku mod li jista’ jwassal biex l-ekonomija ta’ Għawdex tkun integrata kollha kemm hi fl-ekonomija nazzjonali u b’hekk ma jibqgħux jeżistu differenzi fil-livell ta’ għixien taż-żewġ gżejjer.

Ritratti: Baskal Mallia