Min se jgħaddi għas-semifinali?

It-tieni fażi ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija tibda f’Diċembru

Il-ġimgħa li għaddiet il-Bord ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija ħabbar l-ewwel set ta’ riżultati minn 148 sottomissjoni li tinkludi stili ta’ mużika differenti minn artisti kemm ġodda u dawk veterani. Wara ħafna deliberazzjoni minn ġurija esperta intgħażlu 35 kanzunetta, minn dawk sottomessi, li ser jgħaddu għall-fażi li jmiss fejn ser jiġu ridotti għal 20.

“Il-ġurija kellhom ħafna minn fejn jagħżlu”, qal is-Sur Raymond Bugeja, iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika. Kompla jgħid li s-sottomissjonijiet kienu kollha ta’ livell għoli, li jikkonferma l-fatt li f’Malta hawn talent mill-akbar. “L-għażla tal-35 kanzunetta ma kinitx faċli għall-ġurija tagħna. Il-kanzunetti kollha ġew evalwati bir-reqqa għal diversi kriterji, u kburin ngħidu li dawn kollha kienu ta’ kalibru mill-aqwa.”

Is-Sur Bugeja, flimkien mal-membri tal-Bord ta’ Mużika Mużika, jawgura lill-artisti tal-kanzunetti magħżula, waqt li juru soledarjeta’ ma’ dawk li ma rnexxilhomx ikomplu għall-fażi li jmiss. “Ninkoraġġixxu lil dawk kollha li ma rnexxilhomx jgħaddu mill-ewwel fażi biex ma jaqtawx qalbhom u jerġaw jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom is-sena d-dieħla. It-talent Malti huwa abbundanti u b’wiċċi mill-quddiem ngħid li s-sottomissjonijiet kollha ta’ kwalita’ għolja. Grazzi lil dawk kollha li offrew is-sapport tagħhom u li kienu parti minn dan il-festival. Flimkien jirnexxilna nerġaw noħolqu pjattaforma xierqa għall-mużika Maltija, kif wara kollox jistħoqqilha.”

It-tieni fażi ta’ dan il-festival ser tibda nhar l-Erbgħa 2 ta’ Diċembru fejn ser jintgħażlu l-20 kanzunetta semi-finalista mill-35 kanzunetta magħżula. Dawn il-kanzunetti ser jkunu interpretati live u akkumpanjati minn backing track quddiem sett ta’ ġurija differenti minn dik tal-ewwel fażi. Il-ġurija imbagħad taġħżel l-20 kanzunetta li ser tikkompeti fis-semifinali ta’ Marzu 2021 li ser jixxandru fuq it-TVM. Filwaqt li jikkonkludi billi jgħid li l-preparamenti fejn jidħlu awdjo, viżwali u disinn tal-palk, fost oħrajn, qed jiġu ffinalizzati, is-Sur Bugeja jiżvela wkoll li ser insiru nafu aktar dwar il-kantanti, awturi u kompożituri li ser jagħmlu parti minn dan il-festival wara li jitħabbru l-kanzunetti finalisti. 

Dan il-festival huwa produzzjoni ta’ Festivals Malta bis-sapport mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Għal aktar informazzjoni dwar il-festival u dwar il-kanzunetti magħżula s’issa, irrikorri fuq www.muzikamuzika.org.

Dan it-tagħrif twassal minn Festivals Malta.