Min se jżomm lil Hibernians?

Fi tmiem il-ġimgħa li għadda fil-Kampjonat Premier Malti tal-futbol, Hibernians ħadu s-sitt rebħa minn sitta u baqgħu fil-quċċata tal-klassifika meta għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 4-1.

Tarxien għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 3-1 u b’din ir-rebħa sabu ruħhom ma’ Naxxar Lions u Vittoriosa Stars fis-sitt post tal-klassifika. Balzan b’din ir-raba’ telfa konsekuttiva baqgħu fid-disa’ post. 

Vittoriosa Stars, ferħanin bir-rebħa li kellhom il-ġimgħa li għaddiet fuq Qormi, żidu stilla oħra fuq il-pitazz tagħhom. Din id-darba għelbu lil Rabat Ajax bl-iskor ta’ 1-0.  Rabat baqgħu mwaħħlin bla punti fil-qiegħ tal-klassifika.

Fil-wisq mistenni Derby tat-Tramuntana, Mosta ħarġu rebbieħa meta għelbu lil Naxxar bl-iskor ta’ 4-2. Sfortunatament wara din il-partita inqala’ xi ġlied fil-pjazza tan-Naxxar minn xi partitarji opposti.

Floriana ġew megħluba mir-rivali antiki tagħhom Sliema bl-iskor ta’ 1-0.  B’din it-telfa baqgħu b’punt wieħed quddiem Rabat. Fil-logħba ta’ wara l-ġirien Valletta ġew megħluba minn B’Kara bl-iskor ta’ 1-0.  B’Kara issa qabżu b’punt lill-istess Valletta u qegħdin fit-tielet post.