“Ma nafdawhomx fit-triq bir-rota, imma jistgħu jagħżlu s-sess”

L-iskejjel Kattoliċi fl-Ingilterra qed jagħmlu ħilithom biex jiġġieldu dik li qed tissejjaħ l-Ideoloġija tal-Ġeneru li hi ta’ theddida għat-tagħlim tal-verità, għax inkella ma għad fadal ħadd biex jiġġieled il-kultura tar-relattiviżmu tal-ġeneru.
Aktar ma jmur aktar qed tidher ċara l-attitudni ħażina tas-soċjetà lejn it-tfal. Fejn jidħol il-logħob u l-ikel lesti nnaqsu l-libertà ta’ wliedna. Ma nħalluhomx jiġru barra li ma jmurx jaħtafhom xi ħadd jew jitniġġsu minn xi pjanta li jkunu allerġiċi għaliha. L-iskejjel ma jħalluhomx jikkunsmaw ħelu jew ikel bil-melħ u għajnejna miftuħa biex naraw ma’ min qed jagħmluha.
Imma mbagħad meta niġu għall-ġeneru tagħhom li jista’ jibdlilhom l-identità, dak ma jimpurtax, anzi nħeġġuhom biex jagħżlu li jridu.
Qed ngħixu f’soċjetà fejn anqas nafdaw it-tfal imorru dawra bir-rota fit-triq imma nħalluhom jagħżlu huma x’sess iridu għax ninsistu li n-natura għamlet żball. Għax ninsistu li t-tabib li qal li dik it-tarbija hi tifel jew tifla, ħa żball.
Il-ġenituri Kattoliċi fl-Ingilterra qed jinsistu li l-iskejjel tal-Knisja m'għandhomx jaċċettaw din il-kultura. Qed jinsistu li d-differenza bejn is-sessi hi ċentrali għall-iżvilupp tat-tfal u kif jiffaċċjaw il-ħajja u kif jifhmu lilhom infushom u lill-oħrajn. It-tfal għandhom bżonn ċerti limitazzjonijiet għax jekk jitgħallmu Dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jkunu fiżiċi bħal “Tinżilx il-bankina”, jew morali: “M’għandekx titkellem ħażin”.
Studji juru li anke tfal ta’ tliet snin, għalkemm għadhom żgħar u qed jitgħallmu, diġa’ jirrealizzaw li jeżistu żewġ sessi differenti li għandhom irwoli differenti fil-ħajja.
Għalhekk l-iskejjel Kattoliċi qed jinsistu li jkun irresponsabbli li skola tħassar l-istrutturi li permezz tagħhom it-tfal jibdew jagħrfu lilhom infushom u d-dinja ta’ madwarhom: lill-missier u lill-omm u d-differenza bejn in-nisa u l-irġiel. Din hi kefrija mat-tfal. Din hi krudeltà li ġejja mir-relattiviżmu li anqas iħallik tgħid il-kliem:  “Hemm nisa u hemm irġiel”. Dan qisek qed tieħu l-mappa minn idejn nies li jsibu ruħhom mitlufa f’xi ġungla jew deżert.
Il-ġenituri tat-tfal f’dawn l-iskejjel qed jinsistu mal-amministrazzjoni tal-iskola biex jibqgħu jirreżistu l-pressjoni biex ma jirreferux għat-tfal bis-sess tagħhom.