“Min se jeħel jekk issir xi diżgrazzja?

“Min se jeħel jekk ssir xi diżgrazzja? Min qed isuq? Il-vitma? Tal-ħanut? Jew min ħareġ il-permess?”
Hekk saqsa b’mod retoriku s-Sindku ta’ San Ġiljan, Guido Dalli, dwar x’jiġri jekk isseħħ xi diżgrazzja fi Triq San Ġorġ f’Paceville wara li stabbilment fl-istess triq ingħata permess għall-pjattaforma
Dalli ddeskriva din it-triq bħala waħda ‘busy’ filwaqt li l-pjattaforma hi perikoluża ħafna. Din it-triq hi pjuttost traffikuża u tal-linja jgħaddu miż-żewġ karreġġjati.
Dalli lmenta kif qabel il-Kunsill kien jiġi avżat filwaqt li issa jinħarġu l-permessi mingħajr ma jkunu infurmati u għalhekk ma jistgħux joġġezzjonaw.
Is-Sindku kkjarfika li l-Kunsill sar jaf meta marru għall-permess biex krejn ikun jista’ jniżżel din il-pjattaforma. Kien hawn li l-Kunsill staqsa għall-permess.
Meta stabbilment ma jkollux il-permessi meħtieġa, il-Pulizija jneħħu kollox. Huwa lmenta wkoll li jekk dawn l-istabbilmenti qed iħallsu għall-użu tat-triq mal-Awtorità tal-Artijiet (Lands), il-Kunsill mhu jieħu xejn minnha.
Dalli kompla li la nħareġ permess, dan ma jwaqqafx l-istabbilmenti l-oħra fl-istess triq milli japplikaw għall-permess u jingħataw wieħed huma wkoll. Fi kliemu dawn m’għandhomx jingħataw wieħed filwaqt li dan il-permess partikolari għandu jittieħed minħabba li din hi triq prinċipali.
Huwa rrefera għal laqgħa li kienet saret mal-eks-Ministru għat-Trasport, Joe Mizzi, meta Mizzi kien wera x-xewqa biex il-parkeġġ jitneħħa minn din it-triq ħalli tal-linja tkun tista’ tgħaddi bla problemi.
Il-problema tal-imwejjed u s-siġġijiet fit-triq ilha li bdiet, bil-Kunsill Lokali tas-Sliema jilmenta u joġġezzjona f’ħafna każijiet. Dan għaliex l-imwejjed u s-siġġijiet jagħlqu l-aċċess għal min ikun miexi fit-triq.
Fl-2015 kien inħareġ dokument għall-konsultazzjoni dwar il-politika tas-siġġijiet u l-imwejjed. Fid-dokument m’hemmx li l-kunsill lokali jiġi ikkonsultat meta wieħed japplika għal permess għall-imwejjed u s-siġġijiet fuq barra.
Dan is-suġġett se jiġi diskuss illejla waqt Follow-Up fuq RTK ma’ Sylvana Debono fl-4.30pm.

Ritratt: Ian Noel Pace