Aġġornata: Berlusconi qed jikkunsidra jingħaqad f’alleanza

L-eks Prim Ministru tal-Italja Silvio Berlusconi qed jikkunsidra li jingħaqad f’alleanza bejn iċ-ċentru lemin u ċ-ċentru xellugi. Dawn kienu ż-żewġ gruppi li l-aktar rebħu siġġijiet fil-parlament Taljan.

Berlusconi saħaq li l-pajjiż għandu bżonn lil min jiggverna. Saħaq li l-partiti kollha għandhom jagħmlui sagrifiċċju għal-ġid ta’ kulħadd.

Intant, s’issa jidher li ċertezza f’din l-elezzjoni hi li affermazzjoni ta’ Beppe Grillo, tal-Movimento 5 Stelle, fil-parlament.

Iktar qabel: Sitwazzjoni skomda fl-Italja hekk kif l-ewwel riżultati jindikaw li l-partit ċentru xellugi ta’ Pier Luigi Bersani rebaħ l-elezzjoni Parlamentari bi ftit voti u b’hekk għadda lill-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi. Madanakollu, b’din ir-rebħa l-partit ta’ Bersani m’għandux maġġoranza fis-Senat.

Kelliema għall-partit ta’ Berlusconi qed isostnu li r-rebħa ta’ Bersani hija waħda viċin wisq. Infatti huwa stmat li l-maġġoranza li kisbu s-soċjalisti hi ta’ inqas minn 1%. Hu stmat li l-partit ta’ Bersani kiseb 29.54% tal-voti, filwaqt li Berlusconi għandu 29.18%.

Kelliema għal Berlusconi qed jinsistu li wieħed għandu jistenna qabel jitħabbar ir-riżultat finali, u jżomm f’moħħu li f’kull elezzjoni jkun hemm dik li tissejjaħ ‘margin of error’…żbalji li jwasslu biex ir-riżultat finali jinbidel.