Min qiegħed fuq quddiem fuq Facebook?

Read in English.

Il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista għadha ma bdietx uffiċjalment iżda ż-żewġ kontestanti, Dr Adrian Delia u Dr Bernard Grech, bdew il-kampanji mhux uffiċjali tagħhom fuq il-mezzi soċjali permezz tal-paġni rispettivi fuq Facebook.

Permezz tal-għajnuna tal-espert fid-Digital Marketing u lettur fl-Università ta’ Malta Dr Franco Curmi, Newsbook.com.mt ħejja rapport riċerkat dwar il-ħidma tal-kontestanti fuq Facebook.

Newsbook.com.mt illimita ruħu għall-paġni uffiċjali ta’ Adrian Delia u Bernard Grech u għal din ir-riċerka ma ġewx inklużi gruppi oħrajn li għandhom affinità diretta jew indiretta mal-kampanji taż-żewġ kontestanti.

Il-punti li joħorġu mill-ġimgħa li għaddiet:

  • Delia għandu aktar “Likes” minn Grech
  • Grech qed iżid il-“Likes” b’rata ħafna aktar għolja minn Delia
  • Il-followers ta’ Grech qed jinteraġixxu aktar mal-messaġġ
  • Il-messaġġ ta’ Grech għall-għaqda, djalogu u riġenerazzjoni ntlaqa’ tajjeb
  • Il-messaġġ ta’ Delia b’lezzjonijiet dwar l-umanità u s-sapport lill-Pulizija ntlaqgħu tajjeb.

Din ir-riċerka hija utli?

Skont Dr Curmi, “Ir-riċerka li saret fil-passat indikat li l-prestazzjoni tal-midja soċjali tal-kandidati politiċi waqt kampanja tista’ tkun indikattiva tar-riżultat elettorali. Din id-darba, it-tfixkil ippreżentat mill-pandemija tal-Covid-19 jista’ jkun ta’ iktar rilevanza lil dawn l-indikaturi onlajn billi ħafna tesserati huma aktar inklinati li jevitaw laqgħat politiċi, jibqgħu ġewwa u jqattgħu aktar ħin jinfurmaw ruħhom mill-midja soċjali u portals tal-aħbarijiet”.

Ir-rata ta’ żieda fil-Page Likes.

Għal fini ta’ aktar ċertezza, Newsbook.com.mt qies ukoll ir-riżultati tal-istħarriġ riċenti tal-MaltaToday biex l-ebda data ma tkun iżolata. Dan l-istħarriġ ippubblikat fl-10 ta’ Awwissu, sab li 63% riedu lil Bernard Grech filwaqt li 23% riedu lil Adrian Delia. Dan l-istħarriġ sar fost il-membri tal-Partit Nazzjonalista magħrufa bħala tesserati. Facebook m’għandux mod kif jidentifika lit-tesserati biss.

Is-sitwazzjoni bħalissa

Adrian Delia laħaq bena bażi fuq Facebook b’29,000 like sal-ħin tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu. Min-naħa l-oħra, Bernard Grech kellu 19,000 like. Id-differenza tista’ tiġi attribwita fil-biċċa l-kbira għall-fatt li Dr Delia ilu fil-kariga għal tliet snin. Il-bażi ta’ Grech min-naħa l-oħra qed tiżdied b’pass kostanti u żżid ‘il fuq minn 762 like fis-7 ijiem bejn is-Sibt 22 u l-Ġimgħa 28 ta’ Awwissu. Dr Curmi osserva li “d-differenza hija naturali peress li Bernard Grech bħala kandidat ġdid jista’ jkun li qed jagħti tama lill-partitarji tal-partit li ġew iddiżappuntati meta raw l-eżiti tal-istħarriġ li ndikaw tnaqqis matul dawn l-aħħar snin. Kieku kellna nassumu li din it-tendenza se tkompli, il-paġna ta’ Facebook ta’ Dr Bernard Grech tkun teħtieġ 14-il ġimgħa biex tilħaq dik ta’ Dr Delia”.

Is-segwaċi ta’ Grech jidhru li bħalissa huma ferm aktar attivi. Bħala medja kull post rċieva ftit iktar minn 1000 like. Dan huwa kemmxejn iktar minn tal-Prim Ministru Robert Abela li l-post tiegħu kellhom 950 like. Ikkumparat ma’ Adrian Delia, Bernard Grech kien qed iġib id-doppju tal-likes hekk kif bħala medja, Delia ġab 471 like fuq kull post.

Dr Franco Curmi temm jgħid li wieħed irid jara kif se tevolvi l-kampanja li uffiċjalment għad trid tibda.

Rapport iddettaljat dwar din ir-riċerka
Who’s ahead in the battle for Facebook?