Min qiegħed fl-istess semifinali ta’ Malta fil-Eurovision?

Hekk kif ninsabu ftit żmien ‘il bogħod biex inkunu nafu min se jirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest li se jkun magħruf mill-kompetizzjoni ta’ X Factor Malta, llum sar it-tlugħ bil-polza ta’ f’liema miż-żewġ semifinali pajjiżna se jkun qed jieħu sehem.

L-ewwel żewġ semifinali tal-Eurovision se jkunu qed isiru fit-12 u fl-14 ta’ Mejju bil-finali mbagħad issir s-Sibt 16 ta’ Mejju.

Pajjiżna fil-fatt se jkun fit-tieni parti tal-ewwel semifinali tat-Tlieta 12 ta’ Mejju. F’din is-serata se jkunu qed jipparteċipaw flimkien ma’ Malta 16-il pajjiż ieħor. Dawn huma l-Maċedonja ta’ Fuq, il-Belarus, il-Litwanja, l-Iżvezja, is-Slovenja, l-Awstralja, l-Irlanda, ir-Russja, in-Norveġja, Ċipru, il-Kroazja, l-Ażerbajġan, l-Iżrael, l-Ukrajna, ir-Rumanija u l-Belġju.

F’din is-semifinali se jkunu jistgħu jivvuttaw il-Ġermanja, l-Italja u n-Netherlands.

Għat-tieni semifinali tal-Ħamis 14 ta’ Mejju se jkunu qed jipparetċipaw l-Awstrija, il-Moldova, il-Polonja, San Marino, is-Serbja, l-Iżlanda, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Estonja, id-Danimarka, il-Bulgarija, l-Iżvizzera, il-Finlandja, l-Armenja, il-Latvja, il-Ġorġja, il-Portugall u l-Albanija.

F’din it-tieni semifinali se jkunu qed jivvutaw ukoll Franza, Spanja u r-Renju Unit.

Minn kull semifinali se jgħaddu 10 pajjiżi li jingħaqu mas-sitt pajjiżi li diġà hemm konfermati għall-finali tas-Sibt 16 ta’ Mejju.

Din is-sena timmarka t-33 parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovision u minnhom pajjiżna ħa sehem 25 darba fil-finali.