Min qed jonfoq l-iktar f’reklamar fuq Facebook?

Read in English.

Din il-ġimgħa, Newsbook.com.mt jerġa’ jagħti ħarsa lejn kif il-kandidati għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista qed jużaw il-media soċjali biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. L-espert tal-media diġitali u marketing Dr Franco Curmi ġie interpellat biex jinterpreta n-numri li joħroġu mill-mezzi soċjali taż-żewġ kandidati.

Dr Curmi qal li madwar 80% tat-tesserati li huma preżenti fuq il-media soċjali jemmnu li l-abilità ta’ kandidat li jikkomunika online tista’ tkun iċ-ċavetta għas-suċċess. Barra minn hekk, ir-reazzjoni tan-nies turi biċ-ċar kemm huma milqugħa tajjeb il-messaġġi li jpoġġu fuq il-media soċjali tal-kandidati.

L-informazzjoni li qed tidher hawn isfel ġiet miġbura bejn is-Sibt 12 u l-Ġimgħa 18 ta’ Settembru. Din hija l-aħħar ġabra ta’ statistika qabel tibda l-votazzjoni.

Differenzi kbar fir-reklamar

Skont Facebook Page Transparency, Dr Adrian Delia nefaq €860 f’reklamar fuq Facebook u Instagram kontra l-€408 ta’ Dr Bernard Grech. Iż-żewġ kandidati raw tkabbir fuq Facebook b’Delia jżid 53 fost il-followers tiegħu u 930 għal Dr Grech. Dr Delia beda l-ġimgħa b’29,417-il like mifruxa fuq tliet snin waqt Grech beda l-ġimgħa b’21,309 likes. Iż-żewġ kandidati ppubblikaw messaġġi kuljum tul din il-ġimgħa.

L-aqwa 10 messaġġi ta’ din il-ġimgħa

Il-messaġġi ġew maqsuma skont ir-reazzjonijiet li qanqlu. Jinkludu wkoll messaġġi minn Robert Abela bħala l-isfidant tal-ġejjieni għall-Kap tal-Oppożizzjoni prospettiv.

Kif irreaġixxiet il-komunità din il-ġimgħa?

Dr Delia kellu iktar nies li xerrdu l-messaġġi tiegħu (69). Il-messaġġi ta’ Grech iġġeneraw reazzjoni ikbar (34,478 kontra 26,753) anke jekk il-paġna ta’ Grech m’għandhiex segwaċi daqs ta’ Delia u anke jekk Grech nefaq inqas mill-kap attwali.

Dan jista’ jissuġġerixxi li l-kampanja ta’ Delia qed issibha iktar diffiċli xxerred il-messaġġ tagħha lill hinn mis-segwaċi ta’ Delia. Din it-tendenza baqgħet konsistenti tul it-tliet ġimgħat li għaddew.

Aqra Ukoll l-artikli tal-ġimgħat li għaddew

29 t’Awwissu u 4 ta’ Settembru
Min kiseb l-aktar likes, Delia jew Grech?