Min qatel lil Daphne? – Occupy Justice

L-attivisti tal-grupp Occupy Justice poġġew ittri kbar forma ta’ Scrabble biex jistaqsu “min qatel lil Daphne?”

Fi stqarrija, Occupy Justice qal li l-ittri tpoġġew fil-pjazza quddiem Kastilja biex ifakkru s-16 -il xahar mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Il-Prim Ministru jista’ jħares mit-tieqa tal-uffiċċju tiegħu u jgawdi l-veduta tal-mistoqsija li ilna nistaqsu għall-dan l-aħħar 16-il xahar. B’hekk forsi jiftakar li dan il-qtil seħħ waqt li hu politikament responsabbli,” qalu l-attivisti.

Kliem bħal ‘impunità’, ‘korruzzjoni’, u ‘ddisprat’ iffurmaw parti minn din l-iscrabble li għamlu l-attivisti, filwaqt li nsistew li ma jridux pajjiż ta’ anarkija iżda jridu ‘risposti’, ‘ libertà’,’ azzjoni’ u ‘verità’.

Skont l-attivisti, għalkemm għaddew 16 -il xahar għadu mhux magħruf min ordna il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u anqas hemm ħjiel ta’ tfittxija għar-risposta.