“Min orkestra l-assassinju ta’ Daphne?”

10 organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu għal-libertà tal-espressjoni qed jisħqu li jridu jsiru jafu min orkestra l-qtil tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

L-organizzazzjonijiet, imsieħba mal-pjattaforma tal-promozzjoni tal-ġurnalisti fil-Kunsill tal-Ewropa, kitbu ittra sabiex jesprimu t-tħassib tagħhom fuq in-nuqqas ta’ progress fl-investigazzjoni tal-assassinju.
Huma jgħidu kif minkejja li l-awtoritajiet Maltin arrestaw tliet persuni b’rabta mal-qtil, għad m’hemm l-ebda indikazzjoni li turi min hi l-persuna li orkestrat kollox.
Irrimarkaw li l-mewt tal-ġurnalista qanqlet tħassib mhux biss dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti influwenti, imma anke dwar ir-rispett lejn il-liġi (saltna tad-dritt) u l-korruzzjoni f’Malta.  Qalu kif minħabba dan kollu, Malta niżlet mas-16-il post fil-klassifika globali tal-Freedom House dwar id-demokrazija.
Insistew li fid-dawl tal-korruzzjoni u reati oħra li kixfet il-ġurnalista, l-investigazzjoni dwar l-assassinju tagħha titlob skrutinju kontinwu mill-komunità internazzjonali.
Fl-istess waqt, l-organizzazzjonijiet fakkru lill-Gvern Malti u dawk kollha kkonċernati, dwar il-linji gwida relatati mas-segwitu ġudizzjarju wara qtil ta’ ġurnalist, approvati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa f’April 2016.
Id-dokument jgħid li investigazzjonijiet hemm bżonn ikunu effettivi u jżommu kunfidenzjalità pubblika sabiex l-awtoritajiet ikollhom rispett lejn il-liġi u jipprevjenu kull tip ta’ involviment jew tolleranza ta’ atti illegali.
Il-linji gwida jkomplu jgħidu li l-qraba tal-vittma għandhom ikunu involuti fil-proċedura sabiex jiġi ssalvagwardjat l-interess leġittimu tagħhom.
Jitolbu wkoll rapporteur speċjali dwar l-assassinju ta' Daphne
L-entitajiet, ingħaqdu wkoll mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, u ressqu l-istess talba li se jkunu qed iressqu wliedha fi Strasburgu, billi kitbu ittra lill-membri tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, biex jinħatar rapporteur speċjali mill-istess Assemblea, dwar il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista u r-reati li żvelat.
Il-mandat tar-rapporteur jinkludi moniteraġġ tal-investigazzjoni tal-assassinju, l-investigazzjoni taċ-ċirkustanzi madwar l-istess qtil, u li jassigura li ma jkun hemm l-ebda tip ta’ impunità għal min wettaq xi reati li kixfet Caruana Galizia.
L-organizzazzjonijiet jispjegaw kif il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia juri biċ-ċar il-perikli li jħabbtu wiċċhom magħhom ġurnalisti madwar l-Ewropa kollha.
Semmew  numru ta’ każijiet simili li ġraw madwar l-Ewropa u jgħidu kif fl-2017 ġew sottomessi 130 allert li jikkonċerna 29 pajjiż. F’79 mill-allerti jew 60% tal-każi, instab li kien propju l-Istat li kien qed jhedded lill-ġurnalisti. L-attakki jikkonsistu minn dawk fiżiċi għal oħrajn li jaffettwaw l-integrità tal-ġurnalisti, intimidazzjoni, detenzjoni u priġunerija.
L-assoċjazzjonijiet li ffirmaw l-ittra jinkludu lill-Article 19, Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (AEJ), il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti (CPJ), il-Federazzjoni Ewropea ta’ Ġurnalisti (EFJ), Index on Censorship, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti (IFJ), l-Istitut Internazzjonali tas-Salvagwardja tal-Aħbarijiet (INSI), International Press Institute (IPI), PEN International u Reporters Sans Frontières (RSF).