Min-nofs Lulju jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar kollu – MTA

Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu laqgħu dak li ħabbar il-Prim Ministru lbieraħ waqt li kien intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista. Dan hekk kif żdiedu sitt pajjiżi oħrajn mal-lista ta’ destinazzjonijiet imlaqqma bħala “safe corridors” għat-turiżmu minn u lejn Malta. Semmew ukoll li min-nofs Lulju se jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fuq l-ivvjaġġar.

L-awtorità qalet li d-destinazzjonijiet li żdiedu mal-lista u li se jkunu miftuħin għat-turiżmu mil-1 ta’ Lulju huma l-Italja (ħlief għal Emilia Romagna, l-Lombardija u Piemonte), Franza (ħlief għal Ile de France), Spanja (ħlief għal Madrid, Katalonja, Castilla-La Mancha, Castile u Leon), il-Polonja (ħlief għall-ajruport ta’ Katowice), il-Greċja u l-Kroazja. Qalet li l-Iżrael tneħħiet mil-lista oriġinali. Il-lista tad-destinazzjonijiet se tkun segwita u aġġornata b’mod regolari.

Semmiet ukoll kif ir-restrizzjonijiet fuq id-destinazzjonijiet l-oħrajn kollha se jkunu qed jitneħħew mill-15 ta’ Lulju.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li l-ftuħ tal-ajruport se jkun qed jgħin lill-ekonomija u t-turiżmu. Qalet li x-xogħol li sar fl-aħħar ġimgħat wassal biex Malta tkun imlaqqma bħala destinazzjoni sigura.

Intant, iċ-Chairman għall-MTA, Dr Gavin Gulia, qal li dawn id-destinazzjonijiet li se jiftħu sa mill-1 ta’ Lulju u t-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha fuq l-ivvjaġġar minn nofs Lulju se jkunu qed jgħinu lis-settur tal-ivvjaġġar u l-ospitalità jirkupra aktar malajr. Qal li l-MTA se tkun qed tagħmel dak kollu li tista’ biex tgħin lill-istakeholders lokali jirkupraw mill-kriżi.

Qalu li din l-aħbar ġiet fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea l-ġimgħa li għaddiet li inkoraġġiet lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex ineħħu r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar fil-bloc u pproponiet it-tneħħija gradwali ta’ vvjaġġar estern mill-1 ta’ Lulju.