​Min-nhar it-Tnejn: Azzjoni industrijali fi Transport Malta

Il-UĦM qalet li peress li ma ntlaħaqx qbil mal-Gvern Ċentrali fuq tliet ftehim kollettivi li kienu skadew fl-2015 għall-ħaddiema ta’ Transport Malta, il-unjin qed tordna li jkun hemm azzjoni industrijali.
Fi stqarrija, il-UĦM qalet li  għalkemm saru diversi laqgħat ta’ negozjati, kemm mal-management tal-istess Awtorita’ kif ukoll mal-Industrial Relations Unit li hu organu li jinnegozja f’isem il-Gvern Ċentrali, xorta ma sarx qbil.
Il-UĦM qalet li dan “hu inaċċettabbli u għalhekk qed tordna lill-membri tagħha fl-Awtorità tat-Trasport sabiex, minn nhar it-Tnejn, ma jagħmlux użu mill-mezzi ta’ komunikazzjoni kollha, ħlief għal dawk relatati ma’ pagi jew saħħa u sigurtà  fil-post tax-xogħol.”
Il-unjin spjegat li dawn l-azzjonijiet se jolqtu il-gradi amministrattivi, tekniċi, dawk tal-infurzar, kif ukoll gradi maniġerjali u periti fi ħdan din l-Awtorità tat-Trasport.
Il-UĦM żiedet tgħid li mhux qed teskludi li żżid azzjonijiet industrijali oħrajn ma’ dawn li qed jiġu ordnati ġaladarba il-Gvern ma jbiddilx il-pożizzjoni tiegħu.
Il-UĦM ħabbret li rreġistrat tilwima industrijali ma’ Transport Malta dwar in-nuqqas ta’ qbil fuq tliet ftehim kollettivi.