Min-nhar il-Ħadd rotot ġodda tal-linja f’Għawdex

Tnedew ir-rotot il-ġodda tat-trasport pubbliku f’Għawdex, li se jidħlu fis-seħħ min-nhar il-Ħadd li ġej.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi qal li t-tibdil ifisser żieda annwali ta’ 96,403 kilometru fis-sena, kif ukoll żieda ta’ erba’ karozzi tal-linja mal-10 li hemm illum.
Spjega li s-servizz il-ġdid issa se jopera b’14-il vettura, tibdil jew estensjoni ta’ sitt rotot eżistenti u żieda fil-frekwenza jew tibdil fil-ħinijiet ta’ tmien rotot.
Qal ukoll li kien hemm ukoll żieda ta’ 34 bus stop ġdid, biex b’hekk in-numru ta’ bus stops f’Għawdex jitla’ għal 335.
Il-Ministru Joe Mizzi saħaq li r-rotot se jidħlu gradwalment biex jilħqu jindraw mill-pubbliku. Qal li r-rotot il-ġodda huma riżultat ta’ diversi laqgħat u konsultazzjonijiet li saru kemm mal-pubbliku kif ukoll mal-Kunsilli Lokali.