Min m’għadux fil-Kabinett?

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħabbar il-Kabinett il-ġdid tal-Prim Ministru Robert Abela, li huwa kabinett b’għadd ta’ wċuħ ġodda u ftit mill-antiki, peress li huma ftit il-Ministri li żammew l-istess portafoll.

B’dan it-tibdil, kien hemm tliet Membri Parlamentari Laburisti li tilfu posthom fil-Kabinett. Dawn kienu:

  • Chris Cardona, li kien ilu Ministru għall-Ekonomija minn meta tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern fl-2013.

    Cardona kien issospenda lilu nnifsu minn Ministru fis-26 ta’ Novembru li għadda, wara li ġie interrogat mill-Pulizija b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fl-1 ta’ Diċembru, huwa reġa’ beda jokkupa l-kariga ta’ Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.
REUTERS/Vincent Kessler
  • Joe Mizzi, li kien ilu jokkupa l-kariga ta’ Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma mill-2017. Fil-leġiżlatura ta’ qabel, huwa kien Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura.

  • Anthony Agius Decelis, li kien Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabbiltà mill-2017.
DOI: Jason Borg

Min żamm l-istess portafoll?

  • Chris Fearne se jibqa’ Ministru għas-Saħħa u Deputat Prim Ministru. Ilu jokkupa din il-kariga mill-2017.
Miguela Xuereb
  • Edward Scicluna se jibqa’ Ministru għall-Finanzi, kariga li ilu jokkupa mill-2013.

  • Ian Borg se jibqa’ Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali. L-ippjanar issa huwa parti mill-Ministeru ta’ Aaron Farrugia. Qabel l-2017, Borg kien Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea tal-2017 u għall-Fondi tal-UE.
Miguela Xuereb
  • Justyne Caruana se tibqa’ Ministru għal Għawdex. Ilha tokkupa l-kariga mill-2017. Fil-leġiżlatura preċedenti kienet Segretarja Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabbiltà.
Miguela Xuereb
  • Michael Falzon se jibqa’ Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, kif kien ilu mill-2017. Qabel kien Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar, iżda rreżenja minn din il-kariga fl-2016.
Luke Zerafa
  • Clifton Grima se jibqa’ Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat. Ilu jokkupa din il-kariga mill-2017.
Luke Zerafa

Iċ-ċerimonja tal-ħatriet se ssir fit-3.30pm fil-Palazz tal-President.