Min ma rċeviex tallinja card jiċċekkja l-posta aktar tard

Hekk kif għada se tidħol fis-seħħ is-sistema l-ġdida tat-trasport pubbliku mill-operaturi Spanjoli, ħafna huma dawk li qed jilmentaw li għadhom ma rċevewx tallinja card.
Dan minkejja li fil-jiem li għaddew, il-Malta Public Transport serrħet moħħ kull min applika, li jekk ma jirċevihiex sal-1 ta’ Lulju, se jieħu lura d-differenza żejda li jkun ħallas fil-prezz.
Fid-dawl ta’ dawn l-ilmenti, għall-ħabta tas-2pm il-Malta Public Transport ħabbret li aktar tard waranofsinhar il-Malta Post se tkun qed tqassam aktar cards. Fakkret li qabel wieħed juża l-card, irid jittoppjaha b’wieħed mill-metodi spjegati fil-fuljett informattiv li jasal mal-card.
L-għadd ta’ reġistrazzjonijiet għal tallinja card laħqu l-120,000 hekk kif fl-aħħar jiem kien hemm żieda sostanzjali fl-għadd ta’ persuni li applikaw.
Oriġinarjament, tallinja card kellha tinġabar mill-Kunsilli Lokali, imma minħabba l-għadd kbir li rreġistraw bdew jitqassmu bil-posta fis-17 ta’ Ġunju li għadda.
Minn għada se jiddaħħal kunċett ġdid, fejn il-passiġġieri li jkunu telgħin fuq tal-linja jużaw il-bieba ta’ quddiem, filwaqt li dawk li jkunu neżlin, jużaw il-bieba ta’ wara.  Dan għandu jgħin biex jonqos il-ħin tat-tlugħ u nżul tal-passiġġieri, u tiżdied il-puntwalità.
In-nollijiet ġodda minn għada se jkunu kif ġej:
·         Għal 30 ġurnata, l-adulti jħallsu €26, €21 għall-istudenti
·         Għal 90 ġurnata, l-istudenti jħallsu €55 (roħs ta’ €5)
·         Għal sebat ijiem, għat-tfal u dawk li għandhom il-Karta Anzjan, il-prezz huwa ta’ €2 (roħs ta’ 30 ċenteżmu)
·         Għall-vjaġġ wieħed għal dawk li jkollhom il-card, il-prezzijiet huma:
·         75ċ għall-adulti
·         25ċ għat-tfal u dawk bil-Karta Anzjan
Minn għada, dawk mingħajr card u li jixtru biljetti minn fuq tal-linja se jħallsu €2 (Fix-xitwa €1.50).
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 2122 2000 jew iżur il-websajt www.tallinja.com.