Min ma jridx jaħdem għall-partit irid jiddeċiedi – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li dawk li mhux beħsiebhom jaħdmu għal għan wieħed u direzzjoni waħda fil-partit mhux se jingħataw l-ispazju tagħhom, u fil-jiem li ġejjin “iridu jieħdu d-deċiżjoni tagħhom, u trid tkun waħda ċara”.
Dan id-diskors qalu meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad  fuq Net TV.
Dr Delia rrimarka li l-partit irid ikollu vuċi waħda.
Sostna li f’dawn is-seba’ xhur kemm ilu kap, saret ħidma sfiqa biex infetħu l-bibien għal ħaddieħor, imma issa wasal il-mument li kull minn qiegħed fil-partit irid jiddeċiedi.
Huwa fired b’mod ċar bejn dawk, li fi kliemu “jridu jaħdmu biex il-partit jieħu bl-akbar serjetà l-isfidi li għandu”, u l-oħrajn li skontu, “ma jridux jaħdmu f’interess wieħed”.
Qal li mhux se jkun hu li jieħu d-deċiżjoni għal dawn in-nies, iżda huma, skont il-kuxjenza tagħhom.
“Miniex bniedem li nagħlaq il-bibien imma…”
Sostna li bħala kap mhuwiex bniedem li jagħlaq il-bibien, imma mbagħad irid juri li dawk li jridu jikkoperaw ikollhom fejn jaħdmu, u mhux dawk li ma jridux.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni enfasizza li din id-dikjarazzjoni tiegħu hi importanti, issa li s-sena d-dieħla se jaffaċċja l-ewwel elezzjoni tiegħu f’din il-kariga. Dr Delia kien qed jirreferi għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
“Qatt ma kelli xi relazzjoni ma’ Cardona”
Waqt l-intervista, Dr Delia tkellem ukoll dwar il-Ministru Chris Cardona, u qal li apparti bħala avukati, qatt ma kellu xi relazzjoni miegħu, jiġifieri qatt ma kien hemm xi negozju bejniethom jew investiment.
Iwieġeb dwar dak li ppubblikat fuqu Daphne Caruana Galizia
Kien mistoqsi wkoll dwar l-allegazzjonijiet li kienet ippubblikat il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia dwaru.
Dr Delia wieġeb li kellu klijent madwar 15-il sena ilu li xtara xi propjetà barra minn Malta, u li l-flus ġabhom minn bank f’Malta. Madankollu l-proprjetà nkriet lil persuna li spiċċa f’assoċjazzjoni illeġittima. Il-Pulizija Ingliża ma kinitx investigat lil sid il-proprjetà, wisq inqas lill-avukat tiegħu, li jiġu hu.
Temm jenfasizza li ma kien involut f’ebda skemi ta’ ħasil ta’ flus, kif kienet allegat Daphne Caruana Galizia.