“Min ma jbiddilx, iqammel”

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li “aktar ma se ndumu nkaxkru riġlejna biex nagħmlu l-aġġornament fil-Knisja, aktar se nkomplu nitilfu l-opportunità biex noħolqu pont mad-dinja tal-lum.”
Ikkwota l-qawl Malti li jgħid, “min ma jbiddilx, iqammel” u qal li dan japplika għall-Knisja meta nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex ikompli jgħin fl-aġġornament tal-Knisja.
Fl-omelija fil-Quddiesa tal-Acies tal-Leġjun ta’ Marija, il-Ħadd li għadda, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku dwar “Il-Ferħ tal-Imħabba” fil-ħajja taż-żwieġ u l-familja jipproponi lill-Knisja tieħu atteġġjamenti “ġodda” quddiem diversi fenomeni “ġodda” li qed jinbtu fiż-żwieġ u l-familja.
Tenna li huwa fatt li hemm ħafna li jibżgħu mit-tiġdid u jippreferu jibqgħu marbuta mal-imgħoddi u qal li “n-nostalġija tal-passat taf taljenana minn dak li qed jiġri llum.”
Il-Quddiesa kienet ċċelebrata fir-Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, fix-Xewkija bil-parteċipazzjoni tal-Leġjunarji Għawdxin tal-Leġjun ta’ Marija.
Appella lill-membri biex fil-Kungressi, is-seminars u l-irtiri li jkollkom bħala Leġjunarji jirriflettu fuq dan it-tagħlim.
L-isqof tenna li jixtieq jara l-Leġjun ikun frisk u kuraġġjuż fil-viżjoni pastorali li wrew il-Leġjunarji fl-imgħoddi biex ikollu “futur fid-Djoċesi bħala għaqda valida għall-formazzjoni tal-membri u għall-appostolat.”