Min ma jaġixxix kontra l-korruzzjoni jkun korrott – Repubblika lill-PM

Beppe Galea

Read in English.

L-għaqda mhux governattiva Repubblika qed tappella lill-Prim Ministru Robert Abela biex jaġixxi, hekk kif ġie żvelat li sar ftehim sigriet ma’ Steward Healthcare, li jekk il-ftehim dwar it-tliet sptarijiet jiġi tterminat, jaqa’ piż qawwi fuq il-Gvern.

MaltaToday irrappurtat li l-eks Ministru Konrad Mizzi daħal fi ftehim ma’ Steward Healthcare f’każ li l-konċessjoni tiġi mwaqqfa.

Steward Healthcare bdiet tmexxi t-tliet sptarijiet wara Vitals Global Healthcare, il-kumpanija li ma kellha l-ebda esperjenza fil-qasam mediku u li kienet rebħet il-konċessjoni biex tmexxi l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech.

Repubblika qalet li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jdawwar wiċċu u jibqa’ sieket, meta affaċċjat b’din is-sitwazzjoni. L-NGO nnutat ukoll li l-PM għażel li jibqa’ sieket fuq it-trasferiment tal-bini tal-ITS, u sal-lum għadu ma qal xejn, minkejja li ħareġ ir-rapport mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.

L-NGO insistiet li Abela kellu d-dover li jieħu passi dwar il-ftehim ma’ Steward Healthcare li ffirma Konrad Mizzi f’Awwissu li għadda. Skont Repubblika, Mizzi “tefa’ mażra ta’ €100 miljun ma’ għonq il-Maltin”. Repubblika qed tisħaq li hi taf bl-irwol ta’ Joseph Muscat fl-iffirmar ta’ dan il-ftehim. Irrimarkat li min ma jiħux azzjoni kontra l-korruzzjoni, ikun korrott hu stess.